Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo baqa’ ma jridx jgħid liema stakeholders Għawdxin ġew ikkonsultati mill-kumpanija Ċiniża blacklisted dwar il-pont bejn Malta u Għawdex.
Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa fil-Parlament lill-Ministru Refalo, għaliex ma jridx jagħti l-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni li saret, u staqsa jekk dan ifissirx li ma ġie kkonsultat l-ebda stakeholder minn Għawdex.
Staqsa wkoll li f’kas li ma saritx konsultazzjoni, x’għamel bħala Ministru għal Għawdex biex issir din il-konsultazzjoni.
Il-Ministru Refalo, fi tweġiba li ta bil-miktub, qal biss li m’għandu xejn xi jżid dwar is-suġġett.
Din kienet mistoqsija oħra fis-sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari li saru lill-Ministru għal Għawdex mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said b’rabta ma’ proġetti li kien tant tkellem dwarhom il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni dwar Għawdex.
Illum, il-Ministeru għal Għawdex mhux jagħti informazzjoni dwar il-proġetti li wiegħed dan il-Gvern, bħalma kien dwar is-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, li issa l-indikazzjonijiet kollha juru li dan is-servizz ġie scrapped u mhux se jsir.
//= $special ?>