UEFA: Illum f’12pm f’Nyon fl-Iżvizzera jittellgħu l-poloz tal-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League u tal-fażi tal-aħħar 32 tal-Europa League. Ir-rebbieħa tal-gruppi taċ-Champions League ikunu f’urna għalihom filwaqt li r-runners-up ta’ kull gruppp ikunu f’urna oħra. Klabbs mill-istess pajjiż għalissa ma jistgħux jiltaqgħu kontra xulxin. It-timijiet li rebħu l-grupp se jilagħbu l-ewwel leg fis-17 jew 18 ta’ Frar barra minn darhom filwaqt li jilagħbu t-tieni leg fl-10,11,17 jew 18 ta’ Marzu f’darhom.
Il-holders Real Madrid jistgħu jiltaqgħu kontra total ta’ seba’ timijiet. Bla dubju konfront li jkun jispikka jkun jekk dawn jiltaqgħu kontra Manchester City li minn naħa tagħhom kellhom jistennew prorpju sal-aħħar logħba biex jaċċertaw posthom fil-fażi li jmiss. Il-finalisti telliefa ta’ staġun ilu, Atletico Madrid ukoll jitsgħu jiltaqgħu kontra Man City kif ukoll anke PSG.
Barcelona jistgħu jiltaqgħu kontra Juventus u l-Bianconeri żgur iridu jkunu ferm attenti minn Lionel Messi, plejer li fil-fażi tal-gruppi waqqaf rekord hekk kif sar l-aqwa skorer fl-istorja tal-kompetizzjoni. Ta min jinnota li l-Katalanti, għat-tieni sena konsekuttiva jistgħu jiltaqgħu kontra Man City fil-fażi li jmiss, tim li huma kienu eliminaw b’aggregate ta’ 4-1.
Borrusia Dortmund, rebbieħa tal-grupp tagħhom żgur li jridu jinsew dak li qed iseħħ fil-Bundesliga biex ikomplu javanzaw f’din il-kompetizzjoni, speċjalment jekk dawn jiltaqgħu kontra l-qawwa ta’ Man City jew PSG. Bayern Munich jistgħu għal darba oħra jiltaqgħu kontra Arsenal, tim li fl-istaġun li għadda kienu eliminaw mill-fażi tal-aħħar 16 b’aggregate ta’ 3-1.
Chelsea, leaders fil-Premiership Ingliż jistgħu għat-tieni sena konsekuttiva jilagħbu kontra PSG, tim li kienu eliminaw bir-regola tal-gowls barra minn darhom. It-tim immexxi minn Mourinho kien tilef l-ewwel leg 3-1 imma rebaħ it-tieni waħda fi Stamford Bridge 2-0.
Porto, tim li impressjona fil-fażi tal-gruppi u li ma sofriex telfa jista’ jillgħab kontra seba’ timijiet fosthom Man City u b’hekk id-difensur ta’ Man City Mangala jkun jista’ jagħti xi informazzjoni lill-manager Pellegrini dwar l-eks tim tiegħu.
Arsenal, wara li spiċċaw it-tieni fil-grupp tagħhom għandhom avversarji ferm diffiċli quddiemhom bħal ma huma ż-żewġ timijiet minn Madrid u Bayern Munich.
Ritratt: Għat-tieni sena konsekuttiva, Bayern Munich u Arsenal jistgħu jiltaqgħu kontra xulxin fil-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League.
//= $special ?>