Nhar il-Ħadd li ġej 21 ta’ Diċembru fis-6.30 p.m, ir-raħal ta’ San Lawrenz f’Għawdex se jerġa’ għal darb’ oħra, kif ġara f’dawn l-aħħar 46 sena jinbidel f’Bibbja miftuħa biex jirrakkonta l-isbaħ storja li qatt inkitbet, L-Istorja tas-Salvazzjoni.
In-novita’ ta’ dan il-Pageant hi li kważi l-komunità kollha tar-raħal tieħu sehem b’xi mod jew ieħor.
L-istennija u l-preparazzjoni għal dan l-avveniment tibda minn xhur qabel. L-Ghaqda Drammatika San Lawrenz li hija l-entità li tieħu ħsieb itella’ dan il-Pageant tagħti attenzjoni partikolari li dan ikun wieħed li jwassal il-vera spirtu tal-Milied, ‘il bogħod mill-aspett spettakolari esaġerat u li jinħass fost dawk li jżuru dan il-Pageant, l-aspett ta’ komunità. Biex dan ikompli jinħass, f’dawn l-aħħar snin ħafna mill-personaġġi qed joħorġu mid-djar tar-residenti tar-raħal u l-ispettatur isir parti minn dan il-pageant.