Lokali Qorti

Jammetti li seraq minn 11-il karozza – Ilu fuq id-droga minn mindu kellu 13-il sena

Raġel ta’ 35 sena mis-Siġġiewi li ilu jabbuża mid-droga sa minn mindu kellu 13-il sena ammetta li huwa sgassa 24 karozza u li seraq minn 11 minnhom. Minkejja li l-Maġistrat Aaron Bugeja informa skont il-liġi lil Christopher Borg, biex jerġa’ jaħsibha fuq l-ammissjoni tiegħu bil-konsegwenza li ħtija tista’ tfisser ħabs, huwa baqa’ jinsisti li kien wettaq ir-reati.

Huwa ammetta li sgassa karozzi li kienu pparkjati fil-Park and Ride ta’ Ħal-Qormi, mill-parkeġġ tas-Supermarket Lidl, ukoll ta’ Ħal-Qormi, u minn karozzi li kienu fi Triq ir-Ramlija fis-Siġġiewi, viċin ir-residenza tiegħu.

Mill-karozzi huwa seraq numru ta’ CD’s, “fire extinguisher”, brazuleta, kamera diġitali, “stereo” u anke “remote control” tat-televiżjoni. L-Ispettur Carlos Cordina qal li Borg inqabad minn filmati tas-CCTV ta’ żewġ parkeġġi kif ukoll minn filmati ta’ CCTV ta’ ħanut fis-Siġġiewi. Ir-raġel kellu wkoll qtugħ f’idejh, u dan jispjega d-demm li nstab fil-madwar tal-karozzi.

Borg li jieħu ħsieb ommu, li hija marida, wieġeb ħati tat-48 akkuża li tagħhom ġie mixli dwarhom, u li dawn jinkludu li sar reċidiv, u li kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.

L-Avukat Christopher Chircop qal li Borg ilu jieħu d-droga minn mindu kien għadu “teenager” u li talba skuża lill-vittmi kollha għall-azzjonijiet tiegħu fil-konfront tagħhom. Huwa qal li hawn is-soċjeta’ falliet fil-konfront ta’ Borg għax din ma ratx kif dan seta’ jfiq. Il-Qortin ordnat biex Borg jitpoġġa taħt arrest sakemm tingħata s-sentenza fil-konfront tiegħu nhar il-Ġimgħa.