Ekonomija Internazzjonali

L-AŻERBAJĠAN:Ebda trasparenza fl-industrija taż-żejt

Rapport ġdid dwar l-industrija taż-żejt fl-Ażerbajġan juri kif miljuni ta’ dollari mid-dħul sparixxew f’idejn kumpaniji privati, x’aktarx bil-barka tal-kumpanija taż-żejt ikkontrollata mill-gvern.

Rapport mill-organizzazzjoni mhux governattiva Global Witness

Ir-rapport mill-organizzazzjoni mhux governattiva Global Witness, li ġie ppreżentat f’Londra fil-jiem li għaddew, sab qafas fl-industrija taż-żejt fl-Ażerbajġan, b’kumpaniji dubjużi li qed jagħmlu mijiet ta’ miljuni ta’ dollari jinnegozjaw fiż-żejt iżda r-rwol kummerċjali tagħhom jibqa’ inċert.
Ir-rapport jidħol fid-dettall ta’ każ ta’ ċertu individwu li juri eżempju ċar tal-qafas.

Dan hu Anar Alijev, negozjant mill-Ażerbajġan ta’ 35 sena li ħoloq diversi kumpaniji offshore li, jew iżommu kuntratti jew inkella jidħlu f’joint ventures ma’ Socar, il-kumpanija taż-żejt statali.
Il-kumpaniji nfushom iwettqu xi servizzi li Socar ma tistax tagħmel hi stess u Alijev (li kunjomu hu bħal tal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev iżda ma jiġux minn xulxin) ma kellu ebda għarfien fin-negozju taż-żejt qabel ma waqqafhom.

Global Witness sabet li bejn l-2007 u l-2012, kumpaniji assoċjati ma’ Aliyev kienu involuti mill-inqas fi 48 joint venture, f’kuntratti għall-qsim tal-produzzjoni, jew f’arranġamenti oħrajn ma’ Socar, filwaqt li ppubblikaw profitti ta’ $375 miljun.
F’eżempju ieħor, kumpanija offshore ta’ Aliyev magħrufa bħala Heritage General Trading, kisbet ishma f’Socar Trading, li hi ditta sussidjarja ta’ Socar. Dan wassal biex il-kumpanija offshore irċeviet 25 fil-mija mid-dħul ta’ Socar Trading.
Ir-rapport jgħid li tali każijiet iqajmu l-allarm sabiex sforzi internazzjonali li jippromwovu t-trasparenza f’negozji taż-żejt tal-istat bħal dawk f’Ażerbajġan, ikunu msaħħa.