L-Ispettur Gabriel Micallef li fil-jiem li għaddew kien fuq frank sfurzat minħabba investigazzjonijiet li l-Pulizija kienet qed tagħmel b’rabta mal-isparatura tal-Kuntistabbli Paul Sheehan, ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, nhar il-Ħadd irritorna għax-xogħol fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fejn hu assenjat.
Hu kien ilu fuq frank sfurzat għal dawn l-aħħar jiem minħabba li l-Pulizija kienu qed jinvestigaw is-sehem tiegħu f’kontaminazzjoni ta’ xena tad-delitt nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda meta ftit tal-ħin wara l-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, hu mar fil-post u, fost l-oħrajn, allegatament mess il-karozza ta’ Stephen Smith l-Iskoċċiż li fid-direzzjoni tal-karozza tiegħu kienu sparati żewġ tiri, u tellagħha fuq il-lowloader tal-Pulizija li ntbagħat fil-post tal-isparatura f’ħin ta’ ftit minuti biss meta s-soltu dan jasal fil-post ta’ xi inċident ferm u ferm wara li jissejjaħ.
Nifhmu li l-Pulizija kienu tal-parir u l-fehma li l-Ispettur Gabriel Micallef kellu fil-fatt jitressaq il-Qorti dwar kontaminazzjoni ta’ xena ta’ delitt, iżda kien l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li ġab kull skuża possibbli biex dan ma jiġrix.
Sadattant l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ qed jissoktaw u mhux eskluża l-possibbiltà li fil-jiem li ġejjin jitressaq persuna jew tnejn il-Qorti u jkun akkużat li dakinhar tal-isparatura fil-Gżira kien hemm involviment dirett biex intmesset ix-xena tad-delitt.
F’xhieda li nhar il-Ġimgħa ta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, l-Assistent Kummissarju Sandro Zarb qal bl-aktar mod ċar li l-karozza tal-vittma f’dan l-inċident ittellgħet fuq il-lowloader tal-Pulizija mill-Ispettur Gabriel Micallef li fi ftit tal-ħin mar fil-post fejn kienu waqfu ż-żewġ karozzi involuti f’dan l-inċident, jiġifieri Taħt il-Mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni ta’ Santa Venera.
//= $special ?>