Futbol Sport

Man Utd jegħlbu lir-rivali Liverpool

Manchester United għelbu lir-rivali Liverpool bi skor ta’ 3-0 f’Old Trafford biex kisbu s-sitt rebħa konsekuttiva. B’din ir-rebħa t-tim ta’ Van Gaal jinsab fit-tielet post tmien punti taħt il-liders Chelsea u ħamsa taħt Man City li qegħdin it-tieni.

Ir-rebħa ta’ Man Utd kienet waħda meritata kontra tim li falla diversi ċansijiet kbar ta’ skor u li patta qares għalihom. Fit-12-il minuta Man Utd għamlu kontra attakk fejn Valencia qabeż lil Allen u għadda ballun lejn Wayne ROONEY li għeleb lil Jones b’xutt minn ġewwa l-kaxxa biex għamel l-iskor 1-0.

Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Man Utd irduppjaw l-iskor meta minn cross ta’ Ashley Young, Van Persie xellef il-ballun b’daqqa ta’ ras li spiċċat għand Juan MATA li kien offside u li skurja t-tieni gowl. Ir-referee Mike Mullarkey ma intebaħx li Van Persie kien mess kemmxejn il-ballun.

Dan it-tieni gowl kien daqqa ta’ ħarta għal Liverpool li kellhom jibdlu lil Glen Johnson u jdaħħlu lil Kolo Toure minħabba li weġġa’ filwaqt li Adam Lallana ħa post Balotelli.

Minuta wara dan il-gowl Liverpool kellhom ċans kbir li jnaqqsu l-iskor meta Carrick, li kellu logħba mill-aqwa, ikkommetta żball rari u ma ikkontrollax pass ta’ Evans li spiċċa għand Sterling imma dan tal-aħħar naqas milli jegħleb lil De Gea li salvalu b’mod mill-aqwa.

20 minuta mit-tmiem VAN PERSIE issiġilla l-konfront b’gowl wara li irċieva mingħand Mata.

Din it-telfa żgur li se titfa’ aktar pressjoni fuq il-kowċ ta’ Liverpool Brendan Rodgers filwaqt li r-rebħa ta’ United tkompli timlihom kuraġġ.

Fit-tieni logħba Tottenham skurja minuta mit-tmiem biex kisbu rebħa ta’ 2-1 barra minn darhom kontra Swansea. Wara biss erba’ minuti l-Ispurs marru fil-vantaġġ meta Harry KANE skurja b’daqqa ta’ ras.

Tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima s-solitu Wilfried BONY ġab id-draw b’xutt b’saħħtu u hekk kif kollox kien qed jindika li t-timijiet kienu se jieħdu punt kull wieħed, id-Daniż ERIKSEN skurja b’xutt fil-baxx li għeleb lill-gowlkiper Gerhard Tremmel għal skor finali ta’ 2-1.