Lokali

Miċ-Ċina għal Ażerbajġan: Muscat jiffirma MOU f’segretezza sħiħa

Wara l-Memorandum of Understanding li l-Gvern Laburista ffirma ftit tax-xhur ilu dwar l-enerġija mal-Gvern Ċiniż, illum il-Gvern Laburista iffirma żewġ Memoranda of Understanding oħrajn ma’ Gvern ieħor u l-kumpanija statali tiegħu għall-Enerġija: dik tal-Ażerbajġan.

Kienet il-media tal-Azerbaijan li l-ewwel ħabbret dawn il-ftehim. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Malti oriġinarjament ħareġ stqarrija, li fiha għamel referenza biss għal laqgħa li d-delegazzjoni Maltija kellha mal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.

Wara li l-aħbar dwar il-ftehim ħarġet fil-media tal-Azebaijan, il-Gvern Malti mbagħad segwa bit-tieni stqarrija dwar l-iffirmar tal-Memoranda of Understanding.

F’isem Malta, iż-żewġ Memoranda of Understanding kienu ffirmati mill-Ministru Mizzi, filwaqt li l-President tas-SOCAR Rovnag Abdullayev u l-Ministru tal-Enerġija Natig Aliyev iffirmaw f’isem l-Ażerbajġan.

Il-ftehim mal-Gvern Ċiniż u l-kumpanija statali tal-Enerġija Ċiniż kien qajjem kontroversja fil-pajjiż, fosthom mid-Deputat Laburista Marlene Farrugia, li fuq Facebook (3/7) kienet appellat lill-Gvern ta’ Muscat biex ikun aktar selettiv fil-pajjiżi li jintgħażlu għal sħubija strateġika.

Madankollu, fil-laqgħa li l-Gvern Malti kellu mal-Ażerbajġan, il-Prim Ministru Muscat qal li għall-Gvern Malti, l-Ażerbajġan qed isir sieħeb fin-negozju għal pajjiżna. Qal li l-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi jgħinnu biex jinħolqu kundizzjonijiet tajbin ħalli tiżdied il-koperazzjoni.

L-Ażerbajġan hu magħruf bħala wieħed mill-aktar pajjiżi mifnija bil-korruzzjoni, kif ukoll li jkasbar id-drittijiet tal-bniedem, speċjalment min jikkritika lill-Gvern immexxi mill-President Aliyev.

Minbarra l-Ministru Konrad Mizzi, qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, il-Kasco, u l-Kap tal-Komunikazzjoni Kurt Farrugia.