Lokali Qorti

Mixli li ħebb għall-Pulizija waqt li kien f’sakra ma jarax art

Raġel mis-Siġġiewi ingħata l-liberta’ proviżorja wara li huwa wieġeb mhux ħati li fera ħafif membru tal-Korp tal-Pulizija waqt ġlieda f’Paċeville. Joseph Balzan ta’ 25 sena, li qal fil-Qorti li huwa jaħdem bħala salesman, xorob flixkun Sambuca nhar il-Ġimgħa bil-lejl. Tant kemm kien fis-sakra li ma kellu l-ebda kontroll fuq dak li kien qed jagħmel, qalet il-Prosekuzjoni fil-Qorti.

Huwa kien mixli li kien fis-sakra f’post pubbliku, li rreżista l-arrest u weġġaż uffiċjal tal-Pulizija, li wettaq ħsara f’uniformi tal-istess Pulizija, u li kiser il-paċi pubblika. L-Ispettur Elton Taliana qal fil-Qorti li l-ġlieda minn naħa tal-akkużat bdiet meta l-Pulizija marru jkellmu lill-akkużat li tant kien fis-sakra ma felaħ jimxi.

Minn naħa tagħhom l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta oġġezzjoni għall-fatt li Balzan tressaq taħt arrest, u qalu li l-klijent tagħhom dam 19-il siegħa arrestat u wara ngħata l-“police bail”.

Il-Qorti iżda ma laqggħetx it-talba dwar l-arrest tal-akkużat, bil-Maġistrat Aaron Bugeja jgħid li kollox sar skont il-liġi minn naħa tal-Pulizija, bil-proċedura saret kif suppost. Huwa ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,500. Huwa ġie ordnat wkoll li ma jersaqx lejn Paċeville.