Internazzjonali

Aġġornata: Kaċċa għall-moħħ wara l-ħtif f’kafetterija f’Sydney

Tidher li se tieħu fit-tul is-sitwazzjoni li għadha għaddejja bħalissa f’kafeterija fil-qalba ta’ Sydney, l-Awstralja. Is-sitwazzjoni bdiet għall-ħabta tad-9.30am (12.30am ħin f’Malta) meta persuni li kienu għaddejjin minn barra l-kafeterija nnutaw raġel joħroġ arma tan-nar u jżomm l-ostaġġi fil-kafeterija. Dan wassal għal allarm, bil-forzi tal-ordni lokali jinġabru barra l-post biex jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Sadanittant, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Sydney ikkonferma li wara aktar minn 10 sigħat għadhom għaddejjin in-negozjati mal-persuni involuti.

Għalkemm għadu mhux ċar kemm hemm persuni involuti fil-każ, il-media Awstraljana żvelat ritratt ta’ raġel li jidher li hu l-moħħ wara dan il-każ. Ir-raġel (ritratt) jidher li għandu ma’ rasu bandana b’kitba Għarbija. Fil-ħinijiet li għaddew hu ġiegħel lil tnejn mill-ostaġġi biex iżommu bandiera sewda b’kitba Għarbija mat-tieqa tal-kafeterija. Madankollu, ma jirriżultax li l-bandiera hi dik uffiċjali tal-ISIS.

Għadu mhux ċar kemm hemm persuni li qed jinżammu ostaġġi fil-kafeterija, li hi propjetà tal-kumpanija Lindt, għalkemm hu magħruf li fl-aħħar ħinijiet ħarbu ħames persuni. L-attakk kien ikkundannat “bla riżerva” mill-komunità Musulmana fl-Awstralja. Min-naħa tiegħu, il-moħħ wara dan il-każ talab li jitkellem mal-Prim Ministru Tony Abbott, bl-awtoritajiet Awstraljani qed jgħidu li s’issa ma jindikax li kien hemm xi nies feruti jew maqtula.

Aktar kmieni …

Qed tiżviluppa: Jinżammu ostaġġi f’kafetterija fl-Awstralja

Fl-aħħar ħin kompliet tiżviluppa sitwazzjoni fejn grupp ta’ persuni qed jinżammu ostaġġi minn persuna jew persuni mhux magħrufa ġewwa kafetterija f’Sydney, l-Awstralja.

Is-sitwazzjoni bdiet tiżviluppa madwar sitt sigħat ilu u għadha għaddejja bħalissa, fejn mijiet ta’ pulizija u suldati Awstraljani ċċirkondaw il-post bil-għan li jipprovaw jinħarġu l-ostaġġi mill-ħanut.

Aktar kmieni, minn tal-inqas tlett ostaġġi dehru jserrħu mat-twieqi tal-ħanut, filwaqt li jżommu f’idejhom bandiera sewda b’kitba Għarbija.

L-awtoritajiet Awstraljani qed jgħidu li s’issa m’hemmx informazzjoni li tindika li xi ħadd mill-ostaġġi ma weġġa’. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Awstraljan qal li s’sisa għad mhux magħruf min hu jew min huma l-persuni wara dan il-ħtif, filwaqt li l-anqas m’hi magħrufa il-motivazzjoni tagħhhom.