Ekonomija Lokali

Seminar biex il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tippreżenta punti importanti mir-Rapport Annwali tagħha u oħrajn fl-UE

Dalgħodu ġie organizzat seminar għall-awdituri tas-settur pubbliku dwar żviluppi u inizjattivi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Is-seminar tratta l-awditjar tal-Baġit tal-Unjoni Ewropea u għalih kien preżenti l-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Louis Galea. L-iskop tas-seminar kien biex il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tippreżenta l-aktar punti importanti mir-Rapport Annwali tagħha u rapporti speċjali oħrajn fl-Istati Membri.

Fi preżentazzjoni li għamel Louis Galea dwar l-implimentazzjoni tal-Baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2013, hu qal li fix-xogħol tagħha l-Qorti sabet żbalji fi ħlasijiet mill-Baġit Ewropew li ma sarux skont ir-regoli tal-UE, filwaqt li tkellem favur l-importanza tal-kontabbiltà permezz ta’ awditjar b’saħħtu u rilevanti. Qal li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tfittex modi kif tappoġġja l-iskrutinju Parlamentari f’diversi oqsma, permezz ta’ koperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fl-Istati Membri. Fil-każ ta’ Malta, dan hu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

L-iskop tal-iskrutinju tal-Parlament u tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika hu li jħalli effett fuq il-prestazzjoni u l-kontroll tal-entitajiet u s-sistemi kollha involuti fl-infieq mill-UE f’Malta. Fis-seminar, li ġie organizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, ħadu sehem l-Awdituri u l-Uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, kif ukoll dawk tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni u tal-Awditjar Intern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fost oħrajn, fis-seminar ħadu sehem ukoll l-Awditur Ġenerali Anthony Mifsud u l-Assistent Awditur Ġenerali Brian Vella, li tkellmu dwar rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li janalizzaw l-arranġamenti tal-UE għall-kontabbiltà, l-iskrutinju parlamentari u awditjar pubbliku, kif ukoll riskji finanzjarji marbuta mal-Baġit tal-UE.