Futbol Sport

Sliema jirritornaw għar-rebħ

QORMI……………………….1
SLIEMA W……………………3

Qormi: M. Farrugia, A. Bruce, R. Sammut, P. Viggiani, S. Agius, A. Effiong, F. Temile, R. Micallef, D. Pisani, J. Bondin, A. M. Q. Santos

Sost: J. Chetcuti flok P. Viggiani 55 min., A. Cassar flok S. Agius 79 min., C. Farrugia flok R. Micallef 81min.

Sliema Wanderers: G. Zammit, K. G. Gnabouyou, J. Mintoff, M. Scerri, A. Pisanu, M. Potezica, T. Cilia, A. Jake Friggieri, D. Bocar, B. Muscat, S. Bianciardi

Sost: L. Martinelli flok B. Muscat 53 min., P. Xuereb flok A. Pisanu 65 min., F. Talato flok A. J. Friggieri 86 min.

Skurjaw: D. Bocar 23 min., M. Scerri 69 min., A. J. Friggieri (S), F. Temile 70 min. (Q)

Imwissija: R. Micallef 55 min. (Q), M. Scerri, T. Cilia 68 min. (S)

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Mark Scerri

Wara żewġ telfiet konsekuttivi,Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ. Minkejja nuqqasijiet importanti fosthom Fabio Mangiacasale u Michael Mifsud, fl-ewwel azzjoni tagħhom, fit-23 minuta Sliema fetħu l-iskor. Pisanu għadda ‘l quddiem, Gnabouyou bir-ras tefa’ lejn BOCAR li żamm tajjeb, antiċipa l-ħarġa ta’ Farrugia u tefa’ ġewwa. Inutli l-attentat tad-difensur Agius li jaqla’ l-ballun minn fuq il-linja.

Ir-reazzjoni ta’ Qormi waslet ftit wara, fit-33 minuta, meta Effiong avvanza fil-kaxxa, ixxuttja imma sab lill-goalkeeper Zammit ixellef il-ballun. Mir-rebound Viggiani tefa’ barra.
Erba’ minuti wara Temile għadda fin-nofs lejn Ryan Micallef li madankollu x-xutt tiegħu kien ċentrali f’id Zammit.

Fit-42 minuta għal darb’oħra perikoluż Bocar li rċieva ballun, ħarab lid-difiża imma sab lil Farrugia li ntelaq mal-art u ċaħħad lill-Portugiż milli jkun perikoluż.

Fit-tieni taqsima Qormi komplew jippruvaw iġibu d-draw imma spiss deheru konfużi bi ftit li xejn ideat fl-attakk. Il-logħba kompliet fuq l-istess ritmi baxxi tal-ewwel taqsima qabel assistejna għal tliet gowls fi tliet minuti.

Fid-69 minuta Sliema ħarbu kontrattakk b’ġirja ta’ Mintoff. Gnabouyou rċieva pass tajjeb, ikkontrolla imma ra x-xutt tiegħu imtajjar minn Farrugia. Il-ballun spiċċa għand Mark SCERRI li tefa’ ġewwa b’faċilita’.

Minuta biss wara, fis-70 minuta, Frank TEMILE naqqas l-iskor. Effiong ir-ras niżżel lejn Micallef li għadda fin-nofs fejnTemile kompla ġewwa.

Inqas minn minuta wara u reġa’ nbidel l-iskor meta ż-żagħżugħ Aidan Jake FRIGGIERI, fid-debutt tiegħu mill-ewwel minuta dan l-istaġun, avvanza fil-kaxxa, evita d-difiża ta’ Qormi u b‘xutt stupend dawwar il-ballun tajjeb fix-xibka. L-ewwel fil-Kampjonat Premier għal dan il-plejer promittenti.

Qormi jridu jaraw kif se jagħmlu u jinqalgħu minn naħa t’isfel tal-klassifika, fejn jinsabu fid-disa’ post, hekk kif issa ilhom mill-25 t’Ottubru ma jiksbu rebħa. Wara li dakinhar għelbu lil Tarxien Rainbows 1-0, huma kisbu biss draws kontra Żebbuġ, Pieta’, Naxxar u Balzan, it-telfa kontra l-lijders Hibernians u dik ta’ lbieraħ kontra Sliema.