Baġit 2015 Lokali Parlament Saħħa

179,400 siringa jitqassmu f’ħames xhur miċ-Ċentri tas-Saħħa

L-aktar Ċentru minn fejn jitqassmu siringi hu dak f’Raħal Ġdid

Miċ-Ċentri tas-Saħħa tqassmu aktar minn 179,400 siringa b’xejn fil-ħames xhur bejn Ġunju u Ottubru ta’ din is-sena.

L-aktar Ċentru minn fejn tqassmu siringi f’dawn ix-xhur, li kienu jinkludu x-xhur tas-sajf, kien dak f’Raħal Ġdid fejn tqassmu 50,200 siringa; miċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana tqassmu 29,700; minn dak fil-Gżira tqassmu 28,978 u minn dak ta’ Bormla tqassmu wkoll numru konsiderevoli li laħħaq l-ammont ta’ 27,300 siringa.

Minn statistika li ta l-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, jirriżulta wkoll li miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi tqassmu 7,500; minn dak fil-Mosta 740; mir-Rabat Malta 1,904; minn dak f’Birkirkara 583; u miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Victoria f’Għawdex 279 siringa.

Jirriżulta wkoll li mill-Isptar Mater Dei tqassmu 13,281 siringa u mill-Isptar Monte Carmeli tqassmu 18,940.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech staqsa jekk il-Gvern għandux pjani biex ikun kontrollat l-użu ħażin u abbużiv ta’ siringi u labar li jintefgħu fl-ambjent, u jekk hemmx il-ħsieb ta’ sistemi kif is-siringi jistgħu jinġabru biex ma jintefgħux fl-ambjent b’periklu wkoll għas-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearn, li wieġeb fin-nuqqas tal-Ministru Konrad Mizzi, qal li għalkemm is-siringi ħafna minnhom jitqassmu lil min jabbuża mid-droga, mhumiex kollha għal dan l-iskop.

Is-siringi minn Mater Dei ma jintużawx u ma jitqassmux għall-abbuż mid-droga. F’Monte Carmeli, 10,000 siringa tqassmu lil pazjenti dijabetiċi.

Ikkonferma, iżda, li s-siringi kollha li jitqassmu mill-kliniċi taċ-Ċentri tas-Saħħa huma għal dawk li jabbużaw mid-droga.
Semma li kien hemm żmien meta kien hemm programmi ta’ kif jinġabru, u li twaqqaf minħabba l-kumplikazzjoni.
Semma li se jkunu qed jittieħdu miżuri biex jitnaqqas il-periklu tas-siringi mitluqa fl-ambjent, u qed jiġu kkunsidrati diversi miżuri li jinkludu stakeholders bħalma huma Kunsilli Lokali u istituzzjonijiet oħrajn, dwar ġbir lura ta’ siringi.