Lokali

Aġġornata: Qabda ta’ 1kg droga kannabis, Niġerjan mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, immexxija mill-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, qed ikomplu b’sensiela ta’ interrogazzjonijiet ma’ żagħżugħ Niġerjan ta’ 28 sena residenti f’Malta.

Il-1kg droga ħaxixa nqabdet fil-pussess taż-żagħżugħ, moħbija qalb affarijiet tal-ikel f’bagalja waqt li kien dieħel Malta permezz tal-katamaran minn Pozzallo.

Bis-sejba, kien infurmat ukoll il-Maġistrat tal-għassa Aaron Bugeja, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistu fl-inkjesta. In-Niġerjan mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Aktar kmieni …
Numru ta’ persuni qed jgħinu lill-Pulizija tat-Taqsima ta’ Kontra d-Droga f’investigazzjoni li qed issir b’rabta ma’ qabda ta’ kilo ħaxixa. Nifhmu li din il-qabda ta’ din il-ħaxixa kienet riżultat ta’ investigazzjonijiet li l-Pulizija kienet qed tagħmel matul dawn il-ġranet, fost oħrajn shadowing ta’ xi persuni suspettati.

Din id-droga kienet maħsuba għas-suq Malti propju għal dawn il-ġranet ta’ festi li ġejjin. B’rabta ma’ din il-qabda ta’ droga, persuni mistennija jitressqu l-Qorti u jkunu akkużati dwarha.