Aġġornata: Madwar 135 persuna, 84 minnhom tfal, illum inqatlu minn attakk li sar minn militanti tat-Taliban fi Skola mmexxija mill-Armata f’Peshawar fil-Pakistan. Sitt militanti, lebsin uniformijiet ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà daħlu fl-Iskola qabel ma nstemgħu sparar u splużjonijiet. Fil-pront, waslu fil-post forzi tas-sigurtà li ċċirkondaw iż-żona.
Għall-ewwel, il-militanti żammew numru ta’ studenti bħala ostaġġi, iżda l-intenzjoni tagħhom kienet li joqtlu kemm jista’ jkun persuni. Madankollu, il-folja nqalbet ftit tas-sigħat, wara hekk kif l-Armata rnexxielha toqtol lill-ħames militanti, bis-sitt wieħed sploda lilu nnifsu.
Studenti li tkellmu mal-ġurnalisti fil-post qalu li l-irġiel daħlu fis-sala prinċipali u bdew jisparaw bl-addoċċ. Għalliema u studenti ħarbu lejn il-klassijiet tagħhom iżda l-militanti bdew jidħlu klassi klassi u jisparaw fuq kulħadd.
Dan l-attakk ġie deskritt bħala wieħed mill-agħar li qatt sar fil-Pakistan. Kelliem għall-Gvern Pakistani f’Islamabad qal li l-qtil tat-tfal tal-iskola ħoloq tħassib kbir. Min-naħa tiegħu, kelliem għall-militanti stqarr li l-Iskola kienet fil-mira tat-Taliban b’ritaljazzjoni għall-ħidmiet militari fil-pajjiż.
//= $special ?>