Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Ħarsa lejn il-ġurnali tat-Tlieta, 16 ta’ Diċembru:

IN-NAZZJON – Żewġ rapporti li jiddominaw il-faċċata; l-ewwel ikun dak dwar il-Konferenza tal-Aħbarijiet li saret it-Tnejn mill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco b’rabta mal-kunratt bejn il-Gvern u l-kumpanija Ċiniża ‘Shanghai Electric’. Fil-Konferenza tal-Aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista talab għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha qabel id-dibattitu parlamentari dwar il-ftehim li sar. Fi storja oħra jkun rappurtat li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi daqt ikollha uffiċju f’Shanghai minn fejn topera, wara li fi tmintax-il xahar irċeviet €234,000 f’pagi iżda ħadd ma jaf minn fejn ħadmet matul dan il-perjodu. Referenza wkoll fil-faċċata għal żewġ stejjer oħra fil-ġurnal IN-NAZZJON; waħda dwar żjara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-Belt Valletta, u storja oħra b’rabta mal-assedju ta’ kafetterija f’Sydney fl-Awstralja.

L-ORIZZONT – Tirraporta storja dwar għalliem ta’ 38 sena li mistenni jintressaq il-Qorti akkużat li waħħal vidjo kamera f’latrina li tintuża mill-għalliema stess bil-għan li jiffilmja kollega jew kollegi tiegħu. Fi storja oħra, l-Orizzont tirrapporta li Malta intalbet trodd lura xi fondi Ewropej.

The Malta Independent – Ritratt fil-faċċata li juri waħda mix-xeni fl-Awstralja hekk kif it-Tnejn intemm assedju ta’ sittax-il siegħa fuq kafetterija f’Sydney, li nħatfet f’att meqjus terroristiku. The Malta Independent tirrapporta wkoll li l-importaturi tal-munizzjon u l-armi tan-nar jinsabu rrabbjati għat-taxxa ġdida imposta fuq l-importaturi u li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar. Storja oħra fil-faċċata ta’ dan il-ġurnal b’rabta mal-ftehim li sar mill-Gvern Malti mal-Gvern tal-Ażerbajġan.

Times of Malta – Ukoll b’ritratt minn waħda mix-xeni fi tmiem l-assedju tal-kafetterija fl-Awstralja. Storja fil-faċċata ta’ Times of Malta tirrapporta li aktarx ikun hemm problemi b’rabta mal-ħlasijiet tal-pagi tal-ħaddiema tal-Gozo Channel minħabba ‘cash crisis’. Fi storja oħra fil-faċċata ta’ dan il-ġurnal jiġi rrappurtat li l-Gvern qed iwiegħed li se jintroduċi alternattivi għaċ-ċentri ta’ detenzjoni sa’ Lulju.