Lokali

Il-Gvern irid jibqa’ jaħbi l-ftehim li ffirma dwar l-enerġija – il-PN

L-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti li l-Gvern għandu jippublika l-ftehim kollha dwar l-enerġija

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat baqa’ ma tgħallem xejn mill-każ tal-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia. Minkejja li qal li se jibdel l-atteġġjament tiegħu, xorta waħda baqa’ moħħu biss biex jaħbi. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif ilbieraħ, l-Oppożizzjoni nsistiet li qabel id-dibattitu Parlamentari dwar is-settur tal-enerġija, il-Gvern għandu jippubblika l-ftehim kollha li għadu qed jaħbi għax dibattitu serju jista’ jsir biss jekk il-ftehim kollha jkunu studjati.

Madankollu, fir-reazzjoni tiegħu, minflok ippubblika l-ftehim, il-Gvern għażel li jattakka lill-Oppożizzjoni. Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi jitkellmu ħafna dwar trasparenza, iżda meta jintalbu biex ikunu trasparenti huma, jibdew jisparaw kull tip ta’ aġġettiv fuq min ikun għamlilhom it-talba. Bl-istqarrija tiegħu lbieraħ filgħaxija, Muscat kompla jikkonferma kemm ma tgħallem xejn mill-mod kif mexa fil-kwistjoni “Malliagate”. Jaħbi kien, jaħbi għadu, u jaħbi jrid jibqa’, sostna l-PN.

Fl-istqarrija, l-Oppożizzjoni staqsiet xi jridu jaħbu Muscat u Konrad Mizzi. Għaldaqstant, reġgħet insistiet li l-ftehim kollha dwar l-enerġija jiġu ppubblikati qabel id-dibattitu Parlamentari. Jekk il-Gvern ifalli milli jagħmel dan, l-Oppożizzjoni tirriżerva li tieħu l-passi kollha neċessarji ħalli tassigura li l-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf dak kollu li qed jintrabat bih il-Gvern fil-qasam tal-enerġija għas-snin li ġejjin, temmet tgħid l-istqarrija.