Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern jirrifjuta li jippubblika l-management accounts tal-isptarijiet

L-isptar Monte Karmeli

La jrid jippubblika l-Hospital Activity Report ta’ Mater Dei u lanqas il-management accounts tal-isptarijiet

Il-Ministru responsabbli mis-settur tas-saħħa kif ukoll għall-qasam tal-enerġija, Konrad Mizzi, irrifjuta li jressaq fil-Parlament il-management accounts tal-Isptar Mater Dei, tal-Isptar Mount Carmel, tal-Isptar Karen Grech, tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, tas-Central Procurement and Supplies Unit u tal-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek għax-xahar ta’ Settembru li għadda.

Il-Ministru Mizzi, li kien qiegħed iwieġeb għat-talba tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, qal li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummercjali.

Membri tal-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat iwieġbu diversi drabi li l-informazzjoni li qed tintalab hi ta’ natura kummerċjali u li minħabba f’hekk, fil-Parlament ma tingħatax l-informazzjoni mitluba.

Iżda fis-settur tas-saħħa, il-Ministru responsabbli Konrad Mizzi, iwieġeb ħafna mistoqsijiet b’dan il-mod u ma jagħtix l-informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni minħabba r-raġuni li din hi ta’ natura kummerċjali.

Bl-istess mod fl-aħħar ġimgħat, l-istess Ministru wieġeb għal mistoqsija ta’ Claudio Grech biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport relatat max-xogħol u mal-attività tal-Isptar Mater Dei.

Għal dawn l-aħħar xhur, il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ jirrifjuta li jippubblika, u jaħbi l-Hospital Activity Report tal-Isptar Mater Dei meta l-amministrazzjoni preċedenti ma kienet issib ebda diffikultà li tippubblika r-rapport dwar l-attività tal-Isptar Mater Dei. Iżda dan il-Gvern Laburista ma jridx jippubblika.

Ir-rapport li kien jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ma kien jinkludi ebda informazzjoni personali iżda rapporti u tabelli dwar l-attività tal-Isptar u dwar l-attendenzi u l-attività fid-dipartiment tal-out-patient u tal-Emerġenza. Informazzjoni oħra dettaljata fir-rapport tagħti ħarsa lejn is-stwazzjoni tas-sodod fl-Isptar Mater Dei.