Sai Mizzi – li fit-tmintax-il xahar li għaddew irċeviet €234,000 ewro f’pagi u f’perkaċċi oħra – ħadd ma jaf minn fejn ħadmet matul dan il-perjodu
Sai Mizzi – il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li bħalissa jinsab f’missjoni sigrieta fl-Azerbaijan flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat – daqt ikollha uffiċċju minn fejn taħdem fil-belt ta’ Shangai fiċ-Ċina.
Matul dawn l-aħħar tmintax-il xahar Sai Mizzi daħħlet paga ta’ €13,000 fix-xahar – bħalissa hi fiċ-ċentru ta’ pjan bizzilla mill-Gvern biex fil-futur qrib ikollha l-uffiċċju tagħha minn fejn taħdem u fit-tmintax-il xahar li għaddew irċeviet €234,000 ewro f’pagi u f’perkaċċi oħra.
Fi storja ppubblikata fuq il-ġurnal IN-NAZZJON ġie żvelat kif il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għadu kif ħareġ posting order, ċioè applikazzjoni, biex xi uffiċjal mill-istess Ministeru jintbagħat iservi fil-belt ta’ Shangai fiċ-Ċina. L-uffiċjal magħżul se jkun qed jaħdem minn Konsolat li għadu jrid jinfetaħ f’Shangai.
Din il-mossa jidher li se ssir biex tiġi akkomodata Sai Mizzi li sa issa ħadd ma jaf minn fejn din qiegħda taħdem “u ġġb l-investiment lejn Malta”.
Il-Ministru George Vella f’intervista ma’ The Times of Malta f’Lulju li għadda kien qal li Sai Mizzi se tkun qed taħdem minn Shangai.
In-Nazzjon qed ippubblika wkoll kopja ta’ dan id-dokument li ħareġ il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Fl-ittra indirizzata lill-impjegati tal-Ministeru, hemm miktub ċar u tond li l-applikazzjoni għal dan il-posting tagħlaq l-għada tal-Milied. Jingħad ukoll li l-għażla tal-persuna li se tkun qed taħdem f’dan il-Konsolat, mhux bilfors se tkun minn dawk li japplikaw għal dan il-posting.
Il-Ministru George Vella kien stqarr li għandu bżonn għexieren ta’ nies bħal Sai Mizzi fiċ-Ċina biex il-Gvern ikun kapaċi jattira xi negozju lejn Malta.
Ta’ min ifakkar kif kien wara pressjoni kbira mill-mezzi tax-xandir u mill-Oppożizzjoni li l-Gvern kien kostrett jippubblika l-kuntratt tax-xogħol ta’ Sai Mizzi.
Il-kuntratt jindika li din għandha allowances oħra minbarra l-paga. L-allowances ikopru residenza mħallsa f’Beijing, karozza u diesel imħallas, mowbajl u ħlas tat-telefonati li tagħmel, kif ukoll ħlas għal servizzi ta’ saħħa u edukazzjoni għaliha u għall-familja tagħha.
Kulħadd jiftakar kif il-Prim Ministru Joseph Muscat, wara xhur sħaħ ta’ skiet perfett, kellu jammetti li l-mod kif saret il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi kien wieħed żbaljat.
Joseph Muscat f’kummenti lil The Sunday Times kien ammetta li l-kritika tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bħala “envoy għall-Asja” kienet waħda ġustifikata.
Il-Partit Nazzjonalista kien ikkritika lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li din il-ħatra ta’ Sai Mizzi, bħal għexieren ta’ ħatriet oħrajn, saret bi ksur ta’ wegħda prinċipali tal-Partit Laburista, dik li jibbaża l-ħatriet kollha tiegħu fuq il-meritokrazija.
Terġa’ f’dan il-każ in-nuqqas huwa akbar għax il-persuna li ntgħażlet hi mara ta’ Ministru magħżula mingħajr ebda trasparenza ta’ xejn. Affarijiet bħal dawn ma jiġrux f’pajjiżi oħra Ewropej.
Barra minn hekk il-Gvern Laburista kompla jiżbalja meta għal numru twal ta’ xhur sfida l-opinjoni pubblika u naqas milli jippubblika l-kuntratt tal-mara ta’ Konrad Mizzi. Dan jikser kull wegħda ta’ trasparenza li l-Partit Laburista tant wiegħed qabel l-elezzjoni. Dan il-ħabi kollu sar għaliex il-Gvern jistħi jammetti li l-mara tal-Ministru Kontra Mizzi għandha pakkett finanzjarju li qed jiswa lit-taxpayers Maltin xejn inqas minn €13,000 fix-xahar.
Tajjeb jingħad li l-pakkett ta’ Sai Mizzi jinkludi wkoll kundizzjoni li mart il-Ministru Mizzi tħallas taxxa fuq nofs is-salarju biss. Jiġifieri l-ħaddiem Malti jkollu jħallas it-taxxa kollha fuq il-paga sħiħa tiegħu biex jagħti €13,000 fix-xahar lis-Sinjura Mizzi li, min-naħa tagħha, lanqas biss tħallas it-taxxa sħiħa.
Il-pakkett tad-dħul ta’ Sai Mizzi
Ħlas għar-residenza fejn toqgħod hi u t-tfal kollox inkluż ħlief lożor u mħaded.
Ħlas għall- karozza tagħha, il-fuel u x-xufier.
Il-ħlas tal-iskejjel tat-tfal tagħha stmati sa massimu ta’ €51,000 fuq tliet snin.
Allowance oħra għat-tfal ta’ €8,700.
Ħlas għas-servizz tat-telefon u l-mobile mħallas kollu.
€10,000 f’allowance għar-rappreżentanza tagħha.
Allowance biex tissetilja ta’ €8,700.
Ħlas għal container biex iġġorr.
Ħlas għall-kura medika, dentali u tal-għajnejn.
Ħlas ta’ assigurazzjoni għal dak kollu li jista’ jinqala’.
Ħlas għall-ilbies u għad-divertiment f’ospitalità.
Is-salarju li jitla’ għal €222,000 fuq tliet snin.
Biljetti tal-ajru għaliha u għat-tfal tagħha minn Malta u miċ-Ċina.