Lokali Qorti

Jibda l-każ ta’ Patri Charles Fenech, mixli b’abbuż sesswali

Patri Charles Fenech beda għaddej proċeduri kriminali, mixli li abbuża minn mara ta’ 42 sena minn Ħaż-Żabbar, li kellha problemi psikoloġiċi meta din kienet tmur għandu biex jgħinha. Mill-provi li għandha l-Pulizija, jirriżulta li l-każijiet ilhom li bdew 12-il sena ilu. Fil-bidu tal-kawża, l-Avukat Michael Sciriha, li qed jidher għall-Patri Dumnikan, talab biex tinstema’ bil-magħluq kif dejjem ġara f’dawn il-każijiet.

Madankollu, il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona fakkar kif il-Kodiċi Kriminali jgħidu li deċiżjonijiet bħal dawn huma fid-diskrezzjoni tal-Qorti, filwaqt li qal li ma kienx interessat f’każijiet simili. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Louise Calleja qalet li qed titlob li x-xhieda tal-vittma tinstema’ bil-magħluq, iżda l-provi l-oħrajn jistgħu jinstemgħu anke fil-pubbliku. Din it-talba kienet milqugħa.

Xehdu erba’ persuni, kollha bil-magħluq. Dawn kienu żewġ nisa biex jikkolaboraw l-evidenza tagħha, Tabib u l-vittma nnifisha. L-ewwel xhud kellu jkun il-Psikjatra David Cassar, bid-Difiża titlob li minħabba dak li jista’ jgħid, u li jista’ joffendi l-moralità pubblika, ix-xhieda tiegħu ma tiġix rappurtata fuq il-mezzi tax-xandir.

Fis-seduta li jmiss kienu mistennija jixhdu fost l-oħrajn il-Provinċjal preżenti tad-Dumnikani u l-predeċessur tiegħu. Madankollu, il-Qorti qalet li jkun aħjar li dan jixhed f’seduta oħra. Fil-Qorti sar magħruf ukoll li raġuni għaliex Patri Charles Fenech dam ma jitressaq il-Qorti dwar l-allegat abbużi sesswali kienet li l-akkużat għamel diversi ċertifkati li jkun ma jiflaħx u mhux f’pożizzjoni li jitla’ l-Qorti.

Fil-każ mistennija jixhdu diversi nisa, fosthom waħda li qed jingħad li kienet ukoll abbużata mill-akkużat meta kienet taħt l-età. Dawn l-atti allegatament saru fil-Buskett, fil-Kunvent u anke Għawdex. Minn informazzjoni li għandna jirriżulta li wieħed mix-xhieda fil-każ mistenni jixhed bil-ġurament li kien jisimgħu fuq ir-radju meta dan suppost kien jitla’ għall-kawża.

Xhud ieħor kien ukoll għamel kawża kontra l-akkużat dwar malafama, bil-każ kien instema’ quddiem il-Maġistrat Francesco De Pasquale. Bħala parti ċivili f’dan il-każ, f’isem il-vittma, qed jidhru l-Avukati Noel Bianco u Jason Grima. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Louise Calleja, filwaqt li d-Difiża hi mmexxija mill-Avukati Lucio u Michael Sciriha.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-23 ta’ Frar li ġej.