Fil-Korp tal-Pulizija ddaħħlu numru ta’ proċeduri ġodda għall-investigazzjonijiet li jsiru mill-Pulizija, fosthom f’każ li jkun meħtieġ li jinġabru recordings ta’ telefonati.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum ippubblika ċirkolari li ntbagħtet lill-Assistenti Kummissarji kollha u li tagħti direzzjoni biex f’kull investigazzjoni li matulha trid tinġabar xi recording ta’ telefonati li jsiru fuq is-sistema telefonika tal-Pulizija, dan għandu jsir billi l-Uffiċjal inkarigat mill-investigazzjoni jitlob permess minn qabel mill-kbarat tal-Korp.
Sadanittant, f’dawn il-jiem ukoll daħlet proċedura ġdida dwar il-membri li jservu fil-Control Room tal-Pulizija. F’dan il-każ, b’effett immedjat, il-Pulizija li jaħdmu fil-Control Room ma jistgħux idaħħlu magħhom il-mobile tagħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Dawn il-proċeduri ġodda daħlu fis-seħħ wara li fil-jiem li għaddew il-media tagħna żvelat sensiela ta’ recordings li saru minn u għall-Control Room tal-Pulizija, fil-lejl tad-19 ta’ Novembru li għadda u l-ghada, b’rabta mal-attentat ta’ cover-up fl-isparaturi mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
//= $special ?>