L-Oppożizzjoni tappella li fir-regolamentazzjoni ġdida ma jkunx hemm il-kejl ta’ one size fits all
L-Oppożizzjoni qablet mal-Gvern dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu f’pajjiżna, fuq direttivi wkoll tal-Unjoni Ewropea, favur it-twaqqif ta’ Resolution Fund li jikkontribwixxi għalih fuq perjodu ta’ tmien snin biex jagħmel tajjeb għal xi fondi meħtieġa f’kas ta’ sitwazzjoni ta’ falliment ta’ xi bank f’pajjiż membru tal-UE.
Tul dan it-tmien snin, ġie miftiehem ukoll fi ħdan il-Kunsill tal-UE, li l-membri stati jikkreaw garanziji li jagħmlu tajjeb f’każ ta’ saram sakemm jikber dan is-Single Resolutuion Fund.
L-Abbozz ta’ Liġi biex jitwaqqfu f’pajjiżna dawn il-mekkaniżmi meħtieġa, tressaq fil-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, liema Abbozz li jemenda l-Ordinanza dwar Self Lokali sab l-appoġġ tal-Oppożizzjoni li vvutat favur f’kull stadju ta’ dan l-Abbozz.
Il-Ministru Scicluna qal li l-Gvern qed iressaq dan l-Abbozz u jippermetti lill-Ministru tal-Finanzi jwaqqaf fund f’każ ta’ kuntest ta’ instabbiltà finanzjarja, b’mekkaniżmu li hu meħtieġ biex jikkumplimenta s-superviżjoni regolatorja.
Tliet banek f’kull pajjiż, l-aktar li huma influwenti u li fil-każ ta’ Malta kienu l-HSBC, il-Bank of Valletta u Deutche Velle, għaddew minn studju dwar il-kwalità tal-assi, u fost il-130 bank magħżula fl-UE, il-banek f’Malta kkonfermaw is-saħħa tagħhom.
Il-Ministru Scicluna spjega li Malta xorta trid timplimenta dawn il-miżuri ta’ savagwardja minkejja li m’għandha ebda pressjoni u instabbiltà finanzjarja, bi strumenti legali li jagħtu l-awtorità biex tinġabar somma ta’ flus f’self għall-fond imsemmi. Dan qed isir ukoll bħala parti minn pakkett ta’ qafas finanzjarju fuq il-mudell Ewropej u internazzjonali.
Dwar din il-liġi, f’isem l-Oppożizzjoni tkellem id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem dwar il-Finanzi, li qal li l-liġi tirrifletti ċ-ċirkustanzi li għaddiet l-UE minħabba l-kriżi dinjija u li pajjiżna wkoll għadda minnha b’deċiżjonijiet importanti li ħa Gvern Nazzjonalista li indirizza l-bżonnijiet ta’ pajjiżna.
L-Oppożizzjoni qed taqbel mal-Gvern fil-mekkaniżmi li qed jitwaqqfu anke bħala parti mill-qafas ta’ politika u regolamentazzjoni Ewropea. Tonio Fenech fisser li din il-liġi hi importanti biex nibnu l-qafas meħtieġ għal xi kriżi li tista’ tinqala’ fil-futur.
Tonio Fenech qal li hu importanti li l-pajjiżi jkollhom l-għodod biex jirrispondu għal tali kriżijiet u mekkaniżmi li jirrispondu għal kull eventwalità ta’ kriżijiet. Il-liġi hi marbuta ma’ dak li jrid jagħmel kull Gvern – il-ħtieġa ta’ Resolution Fund f’kull pajjiż li f’sitwazzjoni ta’ bank li jkun fil-periklu li jikkollassa, ikun hemm il-mekkaniżmu u l-istrumenti meħtieġa.
Liġi li tagħti l-possibbiltà lill-Gvern li sakemm ma jakkumula biżżejjed riservi minn kontribuzzjoni annwali mill-Banek, il-Gvern għal tmien snin ikun jista’ jiġi fil-Parlament biex isir self għal dan il-Fond biex jagħti ċertezza ta’ stabbiltà finanzjarja f’pajjiżna f’każ ta’ kriżi.
Tkellem ukoll b’sodisfazzjon għaċ-ċertifikat li ngħataw il-banek f’pajjiżna li se jkunu huma li joħorġu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għal dan il-fond, fil-kuntest ukoll tal-unjoni bankarja.
Appella lill-Gvern li fl-implimentazzjoni tal-Banking Union, li kien ivvota favur tagħha wkoll fil-Kunsill Ewropew meta kien Ministru, ma tkunx affettwata b’mod ħażin ir-relazzjoni tal-Banek man-negozji żgħar u ta’ daqs medju għaliex dawn ma kinux il-kawża tal-kriżi dinjija.
Tonio Fenech qal li ma rridux napplikaw regoli ta’ biża’ fil-banek bil-kunċett ta’ one size fits all fi żmien meta għalkemm l-ekonomija dinjija qed toħroġ mill-kriżi, xorta qed naraw investiment anqas.
Appella lill-Gvern joqgħod attent kif jimplimenta miżuri li fil-ħsieb tagħhom huma tajbin, iżda jnisslu regolamentazzjoni esaġerata li twassal għal anqas fiduċja f’min ikun irid jinvesti.
Il-Ministru Scicluna qal li jaqbel mal-Oppożizzjoni li fir-regolamentazzjoni ġdida ma jkunx hemm il-kejl ta’ one size fits all u li jaqbel ukoll li l-investituri żgħar ma kinux il-kawża ta’ kriżi dinjija għalkemm kien hemm banek li ma mxewx bi skrutinju fis-self fuq xiri ta’ proprjetà li kienu qed japprovaw.
//= $special ?>