Lokali Parlament

Segretarji Permanenti u Kapijiet Eżekuttivi ma jikkoperawx mal-Ombudsman

Ma jkunux lesti jikkoperaw fl-investigazzjoni tal-Ombudsman quddiem talbiet dwar inġustizzji

L-Ombudsman żvela kif uħud mis-Segretarji Permanenti fil-Ministeri u Kapijiet Eżekuttivi mhumiex ikunu proattivi meta tintalab informazzjoni u ma jkunux lesti jikkoperaw fl-investigazzjoni tal-Ombudsman quddiem talbiet dwar inġustizzji li jitressqu quddiemu.

Dan tfisser mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus bħala sitwazzjoni nkwetanti li qed iddgħajjef l-istituzzjoni tal-Ombudsman li hi fdata mill-investigazzjoni ta’ talbiet u rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ inġustizzji.

Meta tkellem fil-ħin tal-aġġornament fil-Parlament illejla, id-Deputat Nazzjonalista staqsa x’qed jagħmel il-Gvern biex ibiddel din l-attitudni li jirreferi għaliha r-rapport annwali tal-Ombudsman li kien ukoll ippreżentat fil-Parlament.

Ryan Callus sejjaħ din is-sitwazzjoni li hi ħafna akbar fil-gravità tagħha quddiem sitwazzjoni li fiha qed jirriżulta biċ-ċar li m’hemmx koperazzjoni mill-eżekuttiv biex jiġu stabbiliti l-fatti dwar jekk saritx inġustizzja jew le. U dan minn uffiċjali għolja li fil-maġġoranza kbira tagħhom inħatru minn dan il-Gvern.

Dan qed iwassal, saħaq id-Deputat Nazzjonalista, għal inġustizzja f’dik li tista’ tkun inġustizzja oħra.
Semma wkoll sitwazzjoni oħra nkwetanti kif l-Ombudsman qiegħed jirrapporta ilmenti li waslulu ta’ allegatament inġustizzja li saret minn Bordijiet li l-Gvern appunta biex jagħmlu ġustizzja.

Ryan Callus irrifera għall-preżentazzjoni ta’ Louis Galea, membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitati tal-Parlament, fejn filwaqt li saħaq li l-Awtorità Nazzjonali tal-Awditur tagħmel ħafna rapporti li jitpoġġew fil-Parlament, staqsa x’jiġri minn dawn ir-rapporti u jekk ikunx hemm azzjoni li tittieħed mill-konklużjonijiet tar-rapporti.

Minn dan l-ispunt tal-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa jekk ir-rapport tal-Ombudsman li issa qiegħed quddiem il-Parlament Malti, il-Gvern hux se jħallih fuq l-ixkaffa.
Appella lill-Gvern jagħti widen għall-konlużjonijiet tar-rapport tal-Ombudsman.

Ryan Callus qal li jekk il-konklużjonijiet tar-rapport ma jittiħdux fil-kunsiderazzjoni, il-Gvern ma jkunx qed jagħti każ tal-iżbalji li saru, u r-rapporti ta’ dawn l-istituzzjonijiet importanti li jirrispondu lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament – ikunu qed isiru ta’ xejn.

Ir-rapport tal-Ombudsman jitfa’ dawl fuq ħafna affarijiet li setgħu saru aħjar, u staqsa x’qed jagħmel dan il-Gvern mit-tagħlimiet li huma elenkati mill-Ombudsman. Staqsa lill-Gvern x’biddel mill-operat tiegħu biex l-affarijiet jitbiddlu.

Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman jelenka d-diżgiwd bejn il-Gvern u l-Ombudsman, li fi kliem l-Ombudsman, il-Gvern taħt l-eks-Ministru Manwel Mallia deherlu li l-Ombudsman m’għandux l-awtorità li jinvestiga ilmenti dwar inġustizzji minn membri tal-armata, bl-Ombudsman l-Imħallef Emeritus Said Pullicino jirrimarka li dan id-diżgwid messu qatt ma nqala’, u lanqas bil-mod kif inqala’.

Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman jipproponi li f’każ ta’ diżgiwd bħalma kien hemm fil-każ tal-eks-Ministru Mallia, għandu jkun hemm mekkaniżmu li jqajjem każi bħal dawn fil-Parlament.

Staqsa jekk il-Ministru l-ġdid li ħa post Manwel Mallia, hux se jkun qed iħares minn lenti differenti lejn dan ir-rapport, u x’se jkun qed ibiddel b’riżultat ta’ dan ir-rapport.

L-Ombudsman jirriferi wkoll għad-dritt tal-informazzjoni, u semma kif issir riferenza għal prattika li ddaħħlet fl-amministrazzjoni ta’ pajjiżna fejn qed tiġi rifjutata informazzjoni bi dritt leġittimu, u li ma jingħatawx raġunijiet għalfejn ma tingħatax l-informazzjoni.

L-Ombudsman jirrimarka wkoll li kien hemm żieda fil-kultura li tiġi miċħuda informazzjoni li tintalab b’mod leġittimu. Dan ifisser, saħaq Ryan Callus, li l-Gvern mhux qed ikun trasparenti kemm fit-tmexxija kif ukoll fl-informazzjoni.