Qorti

Sentenza sospiża u multa wara li ammetta li hedded Spettur fil-Qorti wara l-ġlieda ta’ xahar ilu f’Bormla

Charlston Cassar, ta’ 22 sena minn Bormla, ġie kkundannat sena u nofs ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €1,000 wara li ammetta li hedded lill-Ispettur Josric Mifsud waqt li kienet għaddejja l-kumpilazzjoni tiegħu dwar attentat ta’ qtil. Cassar skuża ruħu fil-Qorti mal-Ispettur Mifsud, bil-Maġistrat Aaron Bugeja fis-sentenza tiegħu jgħid li kien qed iqis il-fatt li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u li ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.

Cassar kien għaddej proċeduri fil-Qorti dwar il-ġlieda kbira li kienet inqalgħet f’Bormla fil-11 ta’ Novembru u kien tressaq il-Qort mixli li fl-Awla tal-Maġistrat Anthony Vella hedded lill-Ispettur Josric Mifsud. Allegatament, Cassar kien wieħed minn madwar 30 persuna involuti fil-ġlieda.

L-argument mal-Ispettur Josric Mifsud seħħ meta l-Maġistrat qal li kien se jieħu deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tiegħu u ta’ ħuh Redent Cassar. Hekk kif kien qed jiġi eskortat mill-awla, Cassar hedded lill-Ispettur Mifsud billi pponta subgħu lejh u heddu “jekk ma nkunx preżenti waqt li t-tfajla tiegħi qed twelled … [u waqaf hemm]”. Meta kien qed jiġi eskortat barra, l-Ispettur Mifsud qal lil Charlston Cassar li din kienet problema tiegħu.

Barra mill-Awla, Cassar beda jitkellem ħażin u jgħid li hu ma jibża’ minn ħadd. Hu ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, kif ukoll kliem li jikkonsisti f’dagħa.

Wara li saru s-sottomissjonijiet dwar il-każ, l-Ispettur Darryl Borg talab li s-sentenza tkun sospiża u jingħata multa. L-imputat għandu kondotta netta. Min-naħa tiegħu, l-imputat qal li kien iddispjaċieh ta’ dak li qal. L-Avukat Dean Hili, li deher għal Cassar flimkien mal-Avukat Veronique Dalli, qal li l-inċident inqala’ meta kien qiegħed taħt stress għax it-tfalja kienet se twelled ċesarja għar-raba’ darba u kien imħasseb serjament dwar is-saħħa tat-tarbija u tas-sieħba tiegħu.

L-Avukat Hili qal li Cassar ma kienx jaf li seta’ jingħata l-ħelsien mill-arrest u kien qed jaħseb li sad-differiment li jmiss se jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Sostna li għalkemm id-Difiża tammetti li verament intqal dan il-kliem, dan ma kienx qed jiġi verament maħsub li jiġi mwettaq mill-imptutat. Dan il-kliem intqal minħabba sens ta’ rabja u frustrazzjoni.

Il-Qorti kkunsidrat li l-kliem li qal l-imputat lill-Uffiċjal tal-Pulizija, kif ukoll l-imġieba tiegħu fil-Qorti, kien jintegra r-reat li għalih ammetta. Filwaqt li ddeplorat dak li ġara, il-Qorti qalet li l-ammissjoni tal-imputat qed issir fi stadju relattivament bikri tal-proċeduri u skont il-ġurisprudenza għandu jwassal għal tnaqqis fil-piena li għandha tiġi inflitta.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Charlston Cassar ħati tal-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu u mmultatu €1,000 flimkien mal-piena ta’ priġuneraija ta’ sena u nofs sospiżi għal erba’ snin. Barra minhekk, hu tqiegħed taħt superviżjoni ta’ Uffiċjal-sorveljanti għal erba’ snin. Il-Qorti pprovdiet is-sigurtà lill-Ispettur Josric Mifsud u lill-familja tiegħu għal perjodu massimu ta’ tliet snin.