Ix-xogħol parlamentari għal din is-sena għalaq bid-diskussjoni dwar Abbozz ta’ Liġi li tressaq mill-Oppożizzjoni biex titnaqqas il-problema tal-obeżità
Il-ħidma tal-Parlament matul din is-sena rat xejn anqas minn 6,500 mistoqsija parlamentari li tressqu lill-membri tal-Gvern, b’maġġoranza kbira tressqu mill-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.
Din l-istatistika ngħatat mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, qabel mal-Parlament illejla aġġorna għall-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Il-Parlament aġġorna għat-Tnejn 12 ta’ Jannar, 2015.
Fir-rendikont li ta dwar ix-xogħol parlamentari għal din is-sena, l-Ispeaker qal li matul din is-sena saru 119-il seduta fil-plenarja, il-11-il Kumitat Parlamentari ltaqgħu 112-il darba, u saru żewġ laqgħat tal-Kumitat Magħżul dwar l-Istandards, l-Etika u l-Imġiba Xierqa fil-Ħajja Pubblika li kkonluda diversi rapporti.
Saret ukoll laqgħa Konġunta bejn tliet Kumitati tal-Parlament mal-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Louis Galea; u saru erba’ laqgħat oħra ta’ Kumitati konġunti dwar diversi suġġetti u oqsma ta’ interess.
Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra ltaqa’ 12-il darba, u saru sitt laqgħat tal-Kumitat dwar il-Privileġġi.
Working Group Parlamentari mwaqqaf fuq l-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u li kien immexxi mid-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, ikkonkluda rapport importanti dwar id-dijabete riżultat ta’ diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni u ħidma. Il-Kumitat dwar il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura ltaqa’ ħames darbiet.
Kienu ppreżentati 103 mozzjonijiet li jinkludu 51 mozzjoni għall-Ewwel Qari ta’ liġijiet u 15-il mozzjoni privata. Għaddew ukoll 40 Abbozzi ta’ liġijiet mill-istadji kollha u ġew ippreżentati żewġ petizzjonijiet. Ittieħdet 69 division li 51 minnhom kienu konnessi mal-estimi tal-Baġit għall-2015.
Tressqu 6,500 mistoqsija parlamentari u tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra 2,180 dokument. Saru 11-il stqarrija ministerjali mill-Gvern u s-Sedja ntalbet tagħti 24 rulings fuq punti ta’ ordni li tqajmu matul is-seduti parlamentari.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker ippubblika żewġ kotba’Is-Sedja Titkellem’ li fihom jinġabru d-deċiżjonijiet tas-sedja matul din il-leġiżlatura u nħarġu sitt pubblikazzjonijiet oħra dwar il-Parlament.
Il-membri tal-Kamra pparteċipaw f’66 darba f’laqgħat Interparlamentari barrra minn Malta, filwaqt li l-Ispeaker mexxa diversi delegazzjonijiet parlamentari barra minn Malta.
Kien hemm ukoll medja ta’ 12,700 żjara fil-websajt tal-Parlament. Il-laqgħat tal-Kumitat kienu segwiti minn mhux inqas minn elfejn persuna kontemporanjament permezz ta’ video streaming.
Il-Parlament ukoll laqa’ diversi attivitajiet li wħud minnhom saru appuntament regolari annwali bħalma huma l-Ekoskola, il-Parlament taż-Żgħażagħ, il-Parlament tal-Persuni b’Diżabbiltà, ix-Xjenza fil-Parlament u n-Notte Bianca.
Ix-xogħol parlamentari għal din is-sena għalaq bid-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana (Biex Titnaqqas l-Obeżità), imressaq mill-Oppożizzjoni permezz tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Abbozz ta’ liġi li jixhed il-ħidma tal-Oppożizzjoni fil-Parlament li kienet karatterizzata mhux biss mir-rwol importanti li tiskrutinja x-xogħol tal-Gvern u tressaq il-kritika fejn ikun meħtieġ, iżda wkoll ħidma proattiva b’mozzjonijiet li jipproponu wkoll liġijiet ġodda u emendi għal liġijiet.
Fit-tmiem tas-seduta li kienet l-aħħar waħda għal din is-sena, saru l-iskambji ta’ awguri għall-Milied u s-Sena l-ġdida bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Ispeaker tal-Kamra.
//= $special ?>