Id-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici appellat għal kultura f’pajjiżna ta’ name and shame biex il-konsumatur ma jkunx ingannat u jibda jiġi rispettat, kif hu rispettat f’diversi pajjiżi Ewropej fejn hemm livell għoli ta’ drittijiet li jgawdu l-konsumaturi.
Fil-Parlament waqt il-ħin tal-aġġornament, Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar il-bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet iebsin mill-awtoritajiet ta’ pajjiżna li joqorsu u li jkollhom riżultati aħjar favur il-konsumatur.
Semmiet kif sfortunatament, f’pajjiżna għandna mentalità li kollox jgħaddi, u wasal iż-żmien li din il-kultura ta’ kollox jgħaddi tieqaf.
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarkat li hu l-Gvern li qed jgħaddi dan il-messaġġ li kollox jgħaddi u li qiegħed jirrifletti wkoll fil-mod kif il-konsumatur qed jiġi trattat minn uħud mill-kumpaniji li joffru servizz jew prodotti lill-konsumatur.
Semmiet kif huma ħafna l-konsumaturi li qed jgħaddu minn esperjenzi negattivi u jkunu ngannati meta jirċievu servizz jew jixtru prodott.
Quddiem sitwazzjonijiet fejn f’dawn il-każi ta’ ngann ikunu l-istess nies tal-kummerċ li qed joħolqu diffikultajiet, Paula Mifsud Bonnici appellat għal kultura ta’ name and shame biex il-konsumatur ma jibqax jiġi ngannat.
Semmiet li din il-kultura teżisti f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Irreferiet ukoll għal websajts li jsemmu l-kumpaniji li ma jagħtux valur u servizz lill-konsumatur. Hu għalhekk, u b’dan il-mod, li ċertu pajjiżi saru mfaħħra għas-servizzi għolja li jingħataw il-konsumaturi.
Paula Mifsud Bonnic saħqet li l-azzjonijiet li qed jittieħdu mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur mhumiex qed ikunu effettivi biżżejjed, u qed taġixxi biss bil-pubblikazzjoni ta’ public warnings. Appellat għal sistemi aktar b’saħħithom favur il-konsumatur, u li jagħtu rimedji, b’refernza diretta għal dawk il-kumpaniji li saru magħrufa għal mod ħażin kif il-konsumatur qed jiġi trattat.
Paula Mifsud Bonnici saħqet li hu kompitu tal-Gvern li jassigura li l-liġijiet ikunu implimentati u li l-konsumatur f’pajjiżna wkoll jingħata d-drittijiet u r-rispett li jistħoqqlu.
//= $special ?>