L-istudenti tal-mediċina iktar kmieni llum taw bidu għal petizzjoni li biha qed jappellaw lid-deputati Parlamentari biex ibiddlu l-liġi dwar id-donazzjonijiet tal-organi f’Malta. Dan fid-dawl tal-white paper li għandha titressaq dwar dan is-suġġett fix-xhur li ġejjin.
Fi kliem l-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina ta’ Malta (MMSA), bħalissa jekk inti tagħżel li toffri l-organi tiegħek wara mewtek, il-qraba tiegħek jistgħu jagħżlu li jmorru kontra x-xewqa tiegħek. Dan ifisser li dawk kollha li għandhom donor card bħalissa ma jfissirx li se jkunu qed jagħtu l-organi vijabli wara mewthom, kif inhi x-xewqa tagħhom. U dan minħabba li l-liġi Maltija, kif inhi llum, tagħti każ iktar id-deċiżjoni tal-qraba u l-għeżież tal-mejjet, milli tad-donatur innifsu.
Huwa f’dan l-ispirtu li l-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina qed tħeġġeġ lil pubbliku jiffirma din il-petizzjoni, fejn qed isir appell lid-deputati Maltin biex jaġġornaw il-liġi Maltija u jieħdu ħsieb li l-qafas legali ta’ pajjiżna jipproteġi lil dawk li, volontarjament, għażlu li jagħmlu donazzjoni tal-organi tagħhom wara mewthom.
Din il-petizzjoni qed tkun appoġjata wkoll mit-Transplant Support Group (Malta).
Il-petizzjoni tinsab hawnhekk.
//= $special ?>