Lokali

Comodini Cachia b’ħidma importanti dwar il-programm Erasmus +

L-MEP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ġiet appuntata shadow rapporteur biex issegwi l-implimentazzjoni tal-programm Erasmus + li se jkompli jiffaċilita l-mobbilta’ tal-istudenti madwar l-UE.

Il-programm ta’ seba’ snin għandu finanzjament ta’ €14.7 biljun mill-baġit tal-UE. Dawn il-flus se joffru opportunitajiet lil aktar minn 4 miljun persuna sabiex jistudjaw u jieħdu aktar taħriġ, filwaqt li jiksbu esperjenzi ta’ xogħol u anke volontarjat.
Erasmus + se joffri opportunitajiet ta’ integrazzjoni għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema, inkluż fis-settur sportiv.

Wara li ingħatat din il-kariga importanti, Comodini Cachia qalet li l-mobbilta’ tal-istudenti hija iċ-ċavetta għas-suċċess taż-żgħażagħ, għaliex toffri ħiliet li jwasslu biex fil-futur ikunu jistgħu jiksbu xogħol aktar malajr.

“Dan il-programm jibni fuq il-predeċessuri tiegħu, u huwa pass fid-direzzjoni t-tajba – liema direzzjoni għandha tiġi sostnuta”, qalet Comodini cachia.
L-MEP Nazzjonalista spjegat illi hi se tkun qed taħdem biex tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-programm Erasmus +.

Riċentament, Therese Comodini Cachia indirizzat konferenza imesjħa “International Youth Mobility: Beyond Erasmus+ Program – 25 years of Youth Empowering Youth”. Din kienet organizzata minn Erasmus Student Network (ESN) fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Istudenti.