Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa reġa’ għamel sejħa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jiltaqa’ f’Summit aktar tard din il-ġimgħa, biex jiżgura li fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari jitħaddem verament il-kunċett tal-qsim tal-piż u r-responsabbiltà bejn l-istati membri tal-UE.
“L-affarijiet kif inhuma llum mhumiex aċċettabbli, u s’issa għadna ma rajna l-ebda azzjoni konkreta mill-Kunsill tal-UE”, sostna David Casa waqt l-intervent li għamel fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu bi tħejjija għas-Summit tal-mexxejja Ewropej. Hu rrefera għaż-żjara li għamel f’Malta l-espert tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem il-ġimgħa l-oħra, li matulha wissa dwar żieda inevitabbli fil-wasliet tal-immigranti, li Malta mhix preparata għaliha.
L-MEP tal-PN sostna li jaqbel li Malta mhix preparata għal dan, imma kompla li pajjiżna qatt ma jista’ jkun ippreparat biżżejjed minħabba d-daqs żgħir tiegħu. “Ir-realtà hi Malta ma tistax, u m’għandhiex, tiffaċċja din ir-realtà waħidha. Għalhekk nerġa’ nappella għas-solidarjetà, li fejn għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni hija ineżistenti”, sostna David Casa.
Filwaqt li rrefera għar-Riżoluzzjoni li kellu quddiemu l-Parlament Ewropew dwar l-immigrazzjoni li fost l-oħrajn issejjaħ għall-qsim tar-responsabbiltà bejn l-istati membri, David Casa qal li dan hu żvilupp ieħor pożittiv, imma minkejja li r-riżoluzzjoni probabbli tkun adottata, għal Malta mhu se jinbidel xejn sakemm l-istati membri l-oħra jibqgħu komdu jħallu l-affarijiet kif inhuma.
L-MEP Nazzjonalista tenna l-ħtieġa li jkunu evitati aktar traġedji fil-Mediterran u qal li issa li ntemmet il-missjoni “Mare Nostrum” l-urġenza hi ferm akbar minn qatt qabel.
//= $special ?>