Lokali

Gvern bi standards baxxi għall-kwalità tal-ħajja tal-familji

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-mod kif il-Gvern Laburista ħareġ jesprimi sodisfazzjon għall-indikaturi dwar il-pagi kif pubblikati mill-Eurostat, huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern għandu standards baxxi f’dak li huwa livell ta’ għajxien għall-familji Maltin u Għawdxin. Dan għaliex il-Gvern jinsab kuntent li Malta marret aħjar minn ħaddieħor – meta ħaddieħor filfatt mar lura.

Filwaqt li li r-rata taż-żieda fil-pagi f’pajjiżna hija ogħla mill-medja Ewropea tista’ tidher bħala pożittiva, analiżi serja tal-istatistika pubblikata mill-Eurostat turi realtà kemmxejn differenti. Filfatt, il-medja Ewropea tieħu daqqa qawwija ‘l isfel b’konsiderazzjoni tal-prestazzjoni negattiva ta’ pajjiżi li għaddejjin minn diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji serji, fosthom Ċipru, Spanja, il-Portugall, u l-Greċja.

Għall-kuntrarju, jekk wieħed iqabbel lill-pajjiżna ma’ pajjiżi oħra f’livelli differenti ta’ żvilupp  – kemm dawk aktar avvanzati, bħall-Awstrija, il-Lussemburgu u l-Iżvezja, kif ukoll oħrajn fl-istess livell ta’ żvilupp jew b’anqas żvilupp minn pajjiżna, fosthom l-Estonja, il-Latvja, l-Islovakkja, ir-Rumanija, l-Ungerija, il-Litwanja u l-Polonja, issib li dawn irreġistraw tkabbir li jvarja mid-doppju sa tliet darbiet iktar minn pajjiżna. Altru milli l-aqwa fl-Ewropa.

Aktar minn hekk, dawn iż-żidiet f’pajjiżna qed jibdew jitnaqqru b’livell ta’ għoli tal-ħajja li wara ftit xhur ta’ kalma, reġa’ beda jgħolli rasu u x-xejriet qed juru li se jkompli jiżdied fix-xhur li ġejjin. Dan hu ta’ tħassib għall-familji, fid-dawl tal-fatt li, filwaqt li fil-Budget il-Gvern – tahom biss 58 cents – fl-istess ħin ħadilhom ħafna aktar meta nieda sensiela ta’ taxxi u miżati ġodda, barra li qed iżomm il-petrol u d-diesel artifiċjalment ogħla b’28 u 27 ċenteżmu rispettivament, tant li bir-rati attwali, meta wieħed iqabbel ma’ 5 snin ilu, dak li wieħed kien jixtri b’€20, issa qed ikollu jħallas €30 għalih.