“Malta 2014: 50 years of Independence – 10 years of EU membership” hu l-isem ta’ pubblikazzjoni ġdida li tfakkar dawn iż-żewġ anniversarji tondi li Malta kkommemorat din is-sena ta’ żewġ ġrajjiet li bidlu l-kors tal-istorja ta’ Malta, kif ukoll l-effetti tagħhom: ħames deċennji ta’ sovranita’ u għaxar snin ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Din il-pubblikazzjoni hi edizzjoni limitata ta’ 950 sett, li f’kaxxa tal-ġild magħmula bl-idejn tinkludi dak li l- pubblikatur Eddie Aquilina isejjaħlu bħala teżor uniku, ħolma li saret realta’.
Filfatt f’dan il-pakkett hemm miġbura medalja kommemorattiva tal-fidda, ċertifikat ta’ awtentiċita’ numerat individwalment u tnax-il bolla disinjati għal din il-pubblikazzjoni minn MaltaPost li jfakkru b’mod speċjali l-kisba tal-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropa.
Wieħed isib ukoll ittra ffirmata personalment u individwalment mill-eks Prim Ministru u eks-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami, lista tal-242 Deputat li servew lil pajjiżna fil-Parlament mill-1964 kif ukoll volum ieħor li fih erba’ intervisti mill-Professur henry Frendo ma’ Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, Alfred Bonnici u Alexander Cachia Zammit.
Il-qofol ta’ dan il-pakkett jintlaħaq fi ktieb lussuż ta’ 240 faċċata li fih 140 ritratt fuq 360 grad meħudin mill-fotografu taljan Enrico Formica, li huma xhieda viżwali tal-kisbiet li għamlet Malta tul dawn l-aħħar ħam,es deċennji; proġetti li bidlu wiċċ Malta, il-wirt tagħha restawrat, it-trasformazzjoni tal-ekonomija Maltija speċjalment bl-ispinta tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-ditti u kumpaniji li huma stejjer ta’ suċċess u li llum jipprovdu għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi lill-Maltin.
Dan il-ktieb, ippublikat minn Miranda Publishers, jinkludi wkoll introduzzjoni dettaljata mill-Professur Henry Frendo.
//= $special ?>