L-2014 kienet sena li fiha l-Oppożizzjoni wriet kemm kienet effettiva u kredibbli fil-ħidma politika tagħha. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ħidma politika tal-PN tul l-2014, li matulha kkritika lill-Gvern fuq diversi aspetti, fosthom l-iskandli li fihom kienu involuti l-Ministri, ir-riżenji Ministerjali u n-nuqqas ta’ ħolqien ta’ impjiegi fis-ettur privat.
Simon Busuttil qal li kienet l-Oppożizzjoni li bil-ħidma tagħha bidlet diversi miżuri tal-Gvern, fosthom l-iskema taċ-Ċittadinanza, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Avviż Legali dwar l-Edukazzjoni. Hu għamel referenza wkoll għall-aħħar kontroversja li qed jiffaċċja l-Gvern dwar iż-żjara tal-Prim Ministru fl-Azerbajġan.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-politika li ħadmet biha l-Oppożizzjoni, fejn kienet l-aktar Oppożizzjoni li ppreżentat mozzjonijiet ġodda fil-Parlament. Fl-2014, l-Oppożizzjoni kienet waħda kostruttiva, li pproponiet u tat l-appoġġ fejn meħtieġ, iżda wkoll Oppożizzjoni soda u qawwija fejn kien hemm bżonn tikkritika u tiddefendi l-interessi nazzjonali.
//= $special ?>