Joħorġu aktar stejjer xokkanti wara l-attakk mill-militanti Talbani fuq skola f’Peshawar il-Pakistan – stejjer li juru l-ħruxija mwettqa fuq it-tfal u l-għalliema.
Diversi rapporti kkonfermaw li l-Prinċipal tal-Iskola, Tahira Kazi, inħarqet ħajja mit-Talibani. Kazi ingħatat in-nar quddiem l-istudenti tagħha fil-klassi stess. Jirriżulta, li Tahira Kazi inħarqet ħajja għas-sempliċi fatt li hija kienet miżżewġa lil Kurunell irtirat.
It-tfal bdew jibku u kulħadd beda jfittex fejn jistkenn
Din hija biss waħda mill-istejjer ta’ qsim il-qalb li qed ikomplu joħorġu fil-media wara l-attakk imdemmi minn seba’ militanti li fih inqatlu mal-142 persuna, il-maġġoranza assoluta studenti żgħar.
Illum f’Peshawar bdew isiru l-funerali tal-vittmi li inqatlu f’dan l-attakk makabru.
Student ta’ 13-il sena rrakkonta kif hu u sħabu għaddew minn mument ta’ terrur meta il-balal kissru l-ħġieġ tas-sala li kienu miġbura fiha. Hu spjega kif f’dak il-ħin spikka paniku kbir, it-tfal bdew jibku u kulħadd beda jfittex fejn jistkenn.
“Rajt lil sħabi jintlaqtu bil-balal f’rashom, f’żaqqhom u anke f’saqajhom – rajthom jaqgħu quddiemi”, jirrakkonta dan l-istudent.
Dan l-istess student saħaq li l-agressuri dehru determinati li ma jħallu lil ħadd ħaj f’dik l-iskola.
Ritratt: Mument miċ-ċerimonja ta’ sufraġju b’memorja għall-vittmi Pakistani
//= $special ?>