Il-Union għall-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) qalet li l-kwistjonijiet ewlenin li bħalissa qed iwasslu għall-bosta kanċellamenti t’operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei hija minħabba n-nuqqas t’infermieri. Hija qabblet il-lista tas-swali tal-operazzjonijiet mat-Torri ta’ Babel.
Fi stqarrija l-MUMN qalet li hemm numru ta’ kirurgi li mhux biss ma’ josservawx il-ħinijiet allokati lilhom iżda jibagħtu l-lista tard fit-teatri tal-operazzjonijiet. Għalhekk, dan jagħmilha impossibbli li wieħed jippjana x’infermieri se jkun hemm bżonn. Barra minn hekk, il-listi qed jinbidlu fl-istess jum u għalhekk l-allokazzjoni tal-ħaddiema saret xi ħaġa impossibbli.
Problema oħra hi li fil-fatt ikun hemm biss ħames tobba tal-loppju waranofsinhar. Dan qed jikkawża stress kbir fuq l-infermieri, li jippruvaw jagħmlu xogħolhom b’mod organizzat.
L-MUMN qalet li għalkemm hija qed tikkollabora biex jiżdied ħin ieħor waranofsinhar, diġà għamlitha ċara li jekk il-mexxeja tal-isptar ma jorganizzax il-ħinijiet tal-operazzjonijiet, se jibqa’ jkun hemm kanċellament wara l-ieħor.
Skont l-MUMN, l-isptar Mater Dei għandu l-uniku teatru tal-operazzjonijiet fl-Ewropea li l-managament tal-isptar la għandu kontroll fuq il-lista tal-konsulenti, la fuq il-ħinijiet, u lanqas fuq jekk il-pazjenti jiġux trattati b’mod ġust u ugwali.
//= $special ?>