L-ambjent tal-unit fl-Isptar Monte Carmeli li jilqa’ fi ħdanu l-immigranti irregolari hu fi stadju li ma jagħtix dinjità lill-persuna. Għandu nuqqas qawwi ta’ opportunitajiet biex dawn jissoċjalizzaw, kif ukoll nuqqas ta’ spazju fil-kmamar rispettivi.
Qal dan il-Psikologu tas-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS) Julian Caruana meta kien qed iniedi rapport dwar kif l-immigranti irregolari qed jingħataw kura mentali. Caruana qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi, ħafna mill-immigranti qed jippreferu jmorru fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni milli jibqgħu fl-Isptar Monte Carmeli għax hemm isibu kundizzjonijiet aħjar.
Ir-rapport tal-JRS juri kif is-servizz għandu nuqqas serju ta’ riżorsi minkejja l-isforzi kbar li jsiru mill-professjonisti li jaħdmu fil-qasam. Ir-rapport għandu l-għan li jifhem kif il-bżonnijiet tal-immigranti irregolari li għandhom bżonn kura medika qed jiġu sodisfatti, filwaqt li tiġi evalwata l-kura u l-protezzjoni li qed jingħataw.
Il-Psikologu tal-JRS qal li s-sitwazzjoni tant hi degradanti li l-immigranti rregolari lanqas għandhom minfejn inaddfu t-toilets fil-kamra tagħhom. Qal li meta żaru l-post, sabu li l-immigranti jkollhom bilfors jgħidu lill-gwardjani biex jagħfsu l-buttuna ħalli t-toilet ikun jista’ jitnaddaf. Semma’ kif ġie nnutat nuqqas ta’ servizzi, fosthom ta’ interpreti.
Fir-rapport, il-JRS qed jappella lill-Gvern biex jimpenja ruħu aktar ħalli jintegra s-servizzi tal-kura tas-saħħa fiċ-Ċentri tad-Detenzjoni mas-sistema governattiva tal-Kura Primarja. Appella wkoll għal aġġornament fis-servizzi pprovduti fil-faċilitajiet psikjatriċi, filwaqt li jkun assigurat li s-servizz idur mal-persuna minflok mas-sigurtà.
//= $special ?>