…u 11 bejn il-65 u 70 sena
Fil-Korp tal-Pulizija ddaħħlu mill-elezzjoni ‘l hawn żewġ pulizija ta’ riżerva fl-età bejn is-70 u t-80 sena, u 11 oħra fl-età bejn is-65 sena u s-70 sena.
B’kollox iddaħħlu 135 pulizja ta’ riżerva minn Marzu tas-sena l-oħra.
Dan ikkonfermah fil-Parlament il-Ministru Carmelo Abela, responsabbli mill-Pulizija u Sigurtà Nazzjonali għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li għamel din il-mistoqsija seba’ xhur ilu, u li kienet baqgħet mhux imwieġba għal dawn ix-xhur kollha mill-eks-Ministru Manwel Mallia li kien jirrimarka li l-Oppożizzjoni kellha informazzjoni żbaljata meta kien iffaċċjat bil-kritika li qed jiddaħħlu lura fil-Korp nies avvanzati ħafna fl-età.
Mill-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament, jirriżulta wkoll li ddaħħlu erba’ pulizija ta’ riżervi fl-età bejn il-35 u l-45 sena; 55 fl-età bejn il-45 u l-55 sena; u 63 fl-età bejn il-55 u l-65 sena.
Il-Ministru Abela qal li se ssir reviżjoni biex jiġi żgurat li l-Pulizija ta’ Riżerva huma kollha kapaċi jaqdu d-dmirijiet rikjesti minn membru tal-Pulizija. Qal ukoll li primarjament it-triq ‘il quddiem hi li jiġu ngaġġati Pulizija ġodda.
//= $special ?>