Raġel ta’ 61 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li ta fastidju sesswali fil-konfront ta’ kollega tiegħu fil-post tax-xogħol. Il-każ seħħ fi Frar li għadda f’Dipartiment tal-Gvern.
Carmelo Desira ammetta wkoll li offenda l-morali u li ta fastidju lit-tfajla, kif ukoll li offenda l-pudur tagħha bi vjolenza f’diversi okkażjonijiet. Hu ammetta wkoll li wettaq dawn ir-reati fuq persuna vulnerabbli u li għandha problemi mentali.
Mill-provi rriżulta li l-vittma u Desira, li t-tnejn huma miżżewġin, kienu jagħtu kunfidenzi żejda lil xulxin waqt il-ħin tax-xogħol. Kollox kien sew bejn it-tnejn sakemm bdew jiżdiedu l-kummenti ta’ natura sesswali.
Madankollu, meta l-mara rrealizzat x’kien qed jiġri u ħasset li kien qed jinqabeż il-limitu, l-avvanzi ta’ Desira kienu qed isiru b’mod aktar frekwenti u għalhekk talbitu biex jieqaf. Minkejja t-twissija min-naħa tagħha, hu ma waqafx u l-azzjonijiet spiċċaw fil-livell ta’ fastidju sesswali.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, Desira skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu u ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ordnat li tiġi esegwita ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma għal żmien 18-il xahar.
L-Ispettur Joseph Busuttil mexxa l-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili dehru għal Desira.
//= $special ?>