L-MPE tal-PN Roberta Metsola issejjaħ għal Strateġija ta’ Sigurtà dinamika tal-UE wara l-attakki ġewwa l-Awstralja u l-Pakistan.
“Hemm bżonn li nkomplu nindirizzaw l-estremiżmu u pożizzjonijiet radikali li qed jgħollu rashom.”
Waqt dibattitu dwar l-iStrateġija tas-Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew, il-Membru tal-Parlament Ewropew għamlet enfasi fuq l-importanza ta’ strateġija dinamika u li tiffunzjona tajjeb.
“L-avvenimenti reċenti li ġraw ġewwa l-Awstralja u l-Pakistan, kif ukoll il-preżenza tal-ISIS fil-Libja u madwar id-dinja juru wkoll kemm hu kruċjali li jkun hemm koerenza bejn aspetti interni u esterni tal-sigurtà Ewropea,” qalet Metsola.
“L-orrur tal-aħbarijiet dwar il-qattiela li marru minn ġo klassi għall-oħra joqtlu tfal innoċenti ġewwa l-Pakistan ma jistax jiġi spjegat,” saħqet Roberta Metsola.
“Il-ħarsien tas-sigurta’ interna tal-Ewropa hi fost il-lista ta’ prijoritajiet taċ-ċittadini Ewropej. Aktar minn qatt qabel, iċ-ċittadini Ewropej huma mħassba. Irridu nindirizzaw l-estremiżmu u pożizzjonijiet radikali li qed jgħollu rashom. Nirreferi għall-imsejħa ‘Foreign Fighters’ – ċittadini Ewropej qed imorru f’żoni ta’ konflitt, jissieħbu f’organizzazzjonijiet terroristiċi u imbagħad jirritornaw lura fl-Unjoni Ewropea. Qed inħabbtu wiċċna ma theddid ġdid għas-sigurtà tagħna l-Ewropej,” qalet il-MPE.
Metsola żiedet tgħid li “l-iStrateġija dwar is-Sigurtà tal-UE skedata għas-sena d-dieħla għandu jkollha fost il-prijoritajiet tagħha it-traffikar tan-nies. €150 miljun fi qliegħ li m’għandux ikun, jiġi ġenerat mit-traffikar tal-bniedem. Dan hu qliegħ li jsir a skapitu ta’ nies li huma fost l-aktar vulnerabbli.
Dwar il-Libja, Dr Metsola saħqet fuq l-importanza li nibqgħu attenti. “Malta taf sew x’inhuma r-riskji quddiem il-kaos f’dan il-pajjiż, u s-sitwazzjoni hemmhekk għadha prekarja; fil-fatt il-koordinatur tal-Unjoni Ewropea Kontra t-Terroriżmu diġà wissa dwar it-theddida tal-espansjoni tal-ISIS fil-Libja.”
Roberta Metsola kkonkludiet billi qalet li kwalunkwe Strateġija għandha tilħaq il-bilanċ xieraq bejn is-sigurtà u l-libertajiet fundamentali biex ikollha l-effett mixtieq.
//= $special ?>

