Qorti

Tmien snin u erba’ xhur ħabs fuq assoċjazzjoni biex tiġi traffikata l-kokaina

Raġel ta’ 39 sena mir-Repubblika Domenikana u li għandu passaport Olandiż ġie kundannat tmien snin u erba’ xhur ħabs u mmultat €6,500 wara li ammetta minflok għadda ġuri li sitt ilu assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi mportata f’Malta aktar minn 600 gramma droga kokaina.

Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, Nelson Arias, magħruf ukoll bħala “Paco” ammetta li kien ftiehem ma’ persuna oħra barra minn Malta biex b’mod illegali, mill-Olanda tidħol ammont konsiderevoli ta’ kokaina.

Aria u l-persuna l-oħra ftehmu biex il-konsinja droga tiġi Malta mill-Olanda minn raġel, li wara sar magħruf li kien ċertu Jose Julio Buis, li kellu jivvjaġġa bl-ajru u meta jasal kellu jiltaqa’ ma’ Arias u jagħtih id-droga.

Kemm Arias kif ukoll Buis kienu ftehmu ma’ l-istess persuna barra minn Malta biexn iwettqu din l-operazzjoni. Arias kien se jieħu kumpens għal din il-biċċa xogħol. Li ġara kien li fil-31 ta’ Ottubru tal-2008 Buis qabad titjira minn Amsterdam lejn Malta, u fl-istonku tiegħu kellu 70 kapsola bid-droga kokaina.
Madankollu l-Pulizija kien irnexxielhom jisfrattaw din l-operezjoni u jintervjenu fil-ħin propizju qabel ma din setgħet tmur għand id-destinazzjoni miftehma. Il-Pulizija arrestat lil Jose Julio Buis mal-wasla tiegħu f’Malta, dan fl-ajruport internazzjonali. Wara huwa kien ittieħed l-isptar fejn fl-istonku tiegħu nstabu 675.04 gramma ta’ kokaina, b’purita’ ta’ madwar 45 fil-mija. Il-valur ta’ din id-droga fit-triq kien stamat li jvarja bejn €45,000 u €71,000.

Buis kien iddeċieda li jikkopera mal-Pulzija u nfurmahom li kien mibgħut Malta minn persuna oħra biex huwa jikkonsenja d-droga. Buis qal lill-Pulizija li l-istruzzjonijiet biex iġib id-droga f’Malta kienu jingħatawlu minn ċertu “Paco”, jiġifieri Nelson Arias. Dawn kienu jafu lil xulxin mill-1989 fejn huwa kien ukoll mir-Repubblika Domenikana u li t-tnejn kienu jgħixu l-Olanda.

Buis identifika lil “Paco” minn ritratt li urewh il-Pulizija u wara kien aċċetta li jikkolabora magħhom, kien anke aċċetta li jieħu parti f’”controlled delivery”, li eventwalment wassal biex jinqabad Arias, u dan kien fit-2 ta’ Novembru tal-2008. Buis kien mar b’baskett li suppost kien fiha d-droga, u meta Arias raha li kien hemm preżenti numru ta’ Pulizija, ipprova jaħrab minn fuq il-post, iżda kien inqabad minnhom ftit tal-ħin wara.