Internazzjonali

Ajruporti fir-Renju Unit fil-mira ta’ strajk għal żmien il-Milied

Eluf ta’ nies li qed iħejju biex iqattgħu l-btajjel ‘il hinn mir-Renju Unit jistgħu jiffaċċjaw il-kaos wara li l-istaff tal-ajruporti ewlenin, f’dan il-pajjiż, iddeċidew li joħorġu fuq strajk għal jumejn — bejn it-23 ta’ Diċembru u Jum il-Milied.

L-azzjoni industrijali mistennija taffettwa fil-parti kbira lill-ajruport ta’ Heathrow, fejn mijiet ta’ check-in staff u membri tal-ground crew qegħdin jippjanaw biex jieqfu mix-xogħol minħabba kwistjoni dwar is-salarji. Jekk huma jipproċedu bl-azzjoni, tlieta fost il-ħames terminals ta’ Heathrow, minbarra l-ajruporti ta’ Gatwick u Manchester, għandhom jbatu l-konsegwenzi.

Is-strajk inkwistjoni x’aktarx li jaffettwa ċ-check-in desks fit-tliet ajruporti, iżda kelliema għat-terminals, flimkien mal-kapijiet tal-linji tal-ajru, qalu li huma lesti u ‘kapaċi’ jaħdmu f’din l-eventwalita. Kelliema għal Heathrow sostnew li għandhom il-pjani ta’ kontinġenza f’posthom ‘biex inaqqsu mill-inkonvenjent għall-passiġġieri’ u li huma ‘ma jridux iqajjmu xi sens kbir ta’ allarm mingħajr bżonn’.