Ir-raġel li kien inqabad fil-fatt allegatament jistupra mara f’San Ġiljan ġie arrestat matul il-lejl f’San Pawl il-Baħar. Dan wara li aktar kmieni matul il-ġimgħa huwa kien irnexxielu jaħrab mill-għassa ta’ San Ġiljan minħabba li ma kienx immanetjat sew.
Seykou Ballde ġie arrestat qrib ir-residenza tiegħu f’San Pawl, għall-ħabta tas-1:30am. Ir-raġel mill-Guinea kien arrestat oriġinarjament mill-Pulizija wara li allegatament kien qed iwettaq stupru fuq mara f’San Ġiljan fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-raġel kien arrestat fi Triq San Ġorġ, għall-ħabta tat-3.10am, wara li l-Uffiċjali tal-Korp kienu għaddejjin fuq ronda u semgħu lill-vittma tgħajjat. Meta ppruvaw jarrestawh, il-barrani offra reżistenza u anke pprova jaħrab.
Il-vittma ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li sofriet minn xi feriti. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’Inkjesta Maġisterjali.
//= $special ?>