Ħalliel ta’ 48 sena, li l-mira tas-serq tiegħu kienu żewġ anzjani kien kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Consuelo Herrera wara li nstab ħati li seraq żewġ ġiżirajjen tad-deheb minn fuq żewġ anzjani aħwa sentejn ilu.
Simon Camilleri minn Bormla, instab ħati wkoll li hedded lil aħwa, li kkaġunalhom biża, u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li kiser il-kundizzjonijijiet mogħtija mill-Qorti meta ngħata l-pleġġ u li sar reċidiv.
Mill-provi fil-Qorti rriżulta li fit-18 ta’ Novembru, 2012, il-vittmi li kellhom 79 u 82 sena kienu sejrin lura d-dar wara li semgħu l-quddies fi Triq il-Madonna tal-Għar fil-Mellieħa. Meta huma kienu nieżlin it-taraġ, il-vittmi raw lil Camilleri jistennihom lejn l-aħħar tat-turġien.
Huma qalu li raw lill-ħalliel b’nuċċali tax-xemx iswed, flokk abjad u berittra tal-baseball. L-anzjani qalu li dan f’ħin minnhom beda jiġri lejhom, hekk kif huma kienu nieżlin it-taraġ u ħatfilhom il-ġiżirajjen, u ħarab jiġri b’karozza.
Kien hemm xi persuni fuq il-post semgħu lin-nisa jgħajjtu, filwaqt li mara li kien fl-inħawi rnexxielha tieħu n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-ħalliel. Il-Pulizija sussegwentement irnexxielha ssib ta’ min hi l-karozza u waslet għal Camilleri, li spiċċa arrestat. Fix-xhieda tagħhom il-vittmi, għarfu lil Camilleri bħala l-persuna li seraqhom.
Minn naħa tiegħu, Camilleri beda jiċħad fejn għall-ewwel qal li ma kienx il-Mellieħa dak inhar u qal li hemm id-distanza, u li ma kellux għalfejn imur hemm, u f’xhieda oħra qal li kien hemm imma biex jiltaqa’ ma’ mara.
Mistoqsi min kienet il-mara li kien iltaqa’ magħha, huwa beda jagħti risposti vagi, u li ma jagħmlux sens.
Minkejja dan il-Maġistrat Scerri Herrera qalet li l-karozza ta’ Camilleri kienet żgur fl-inħawi mumenti biss qabel seħħet is-serqa, u li ma hemm l-ebda dubju li huwa kien involut fis-serqa.
Il-Qorti qalet ukoll li kienet analiżżata ix-xhieda tal-vittmi u numru ta’ persuni li nzertaw għaddejjin mill-inħawi, u għahekk dawn il-provi jindikaw li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ tagħha, li kien Camilleri li wettaq is-serqa.
Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Scerri Herrera qalet li ma kienitx se turi ħniena f’każ fejn żewġ nisa anzjani kienu għall-affari tagħhom u spiċċaw vittmi ta’ ħalliel, u għalhekk ma hemm l-ebda dubju li fiċ-ċirklostanzi l-aħjar piena hija dik ta’ ħabs effettiva.
Il-Qorti qalet ukoll li Camilleri ingħata diveri opportunitajiet mill-Qrati biex jirriforma, iżda kompla għaddej bl-attivita’ kriminali tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispeturi Carlos Cordina u Gabriel Micallef.
//= $special ?>