Ir-raġel mill-Guinea Seykou Ballde wieġeb mhux ħati li stupra tfajla Maltija ta’ 23 sena, u li ħebb għall-Pulizija u li ħarab mill-kustodja tal-istess uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, iżda hu xorta waħda ntbagħat il-ħabs anke peress li l-Avukat tiegħu f’dan li stadju qal li ma riedx jaħli l-ħin tal-Qorti u jitlob għall-pleġġ fuq dan il-każ.
Hu ġie mixli bi 12-il akkuża fosthom li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti, fuq każ ieħor fejn fil-passat huwa kien tressaq il-Qorti mixli li sawwat prostituta u li ħebb għall-Pulizija meta kienu marru biex jarrestawh fuq il-każ.
Ballde, qal fil-Qorti li minkejja li fuq il-karta’ ta’ l-identita’ tiegħu niżżlulu li għandu 32 sena, fir-realta’ għandu 22 sena. Huwa kkonferma li joqgħod f’appartament f’San Pawl il-Baħar hekk kif kien eskortat minn tliet membri tal-Korp tal-Pulizija, lejn l-awla tal-Maġistrat Audrey Demicoli.
Huwa ġie mixli li fil-15 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tat-3.00 a.m. fi Triq San Ġorġ kkommetta stupru u attentat ta’ vjolenti fuq il-pudur ta’ l-istess tfajla. Huwa ġie mixli wkoll offenda l-pudur u l-morali pubbliku u li ssekwestraha kontra l-volonta’ tagħha.
Ballde ġie mixli wkoll li nġurja u hedded lill-Pulizija, u uffiċjali pubbliċi u li rreżista lill-istess uffiċjali inkarigati skont il-liġi. Kien mixli wkoll li kkaġuna feriti ħfief fuq il-kuntistabbli Alan Cutajar u li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija, jiġifieri mill-Għassa tal-Pulizija, meta kien qed jiġi nterrogat, li rrifjuta li jagħti nformazzjoni lill-Pulizija, bħa ismu u kunjomu u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fuq każ ieħor.
Kien intervent f’waqtu minn żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit wassal għall-arrestat ta’ Ballde. L-Uffiċjali tal-Pulizija kienu fuq ronda meta semgħu mara tgħajjat, intervjenew immedjatament u eventwalment arrestaw lis-suspettat, għalkemm huwa kien rreżistihom u pprova jaħrab.
Il-vittma kienet ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza minħabba xi ġrieħi li kienet sofriet u saret inkjesta fejn saru eżamijiet mediċi fuqha minħabba l-allegat stupru. Il-każ seħħ f’parkeġġ żgħir.
Sadanittant minn informazzjoni li għandna jirriżulta li tfajla oħra għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan fejn qalet li hija kienet ġiet abbużata minn persuna ta’ karnaġġon skura.
Din qalet lill-Pulizija li r-raġel kien abbuża minnha fl-istess post fejn ġiet abbużata t-tfajla ta’ 23 sena, imma li ma kienitx ġiet stuprata. Madankollu meta l-Pulizija urewha r-ritratti, qalet li ma kienx Ballde, il-persuna li abbużaha. Għal Ballde deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Anthony Cutajar filwaqt li għall-vittma deher l-Avukat Peter Fenech.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.
//= $special ?>