Fis-sena 2013 il-hotline tal-Aġenzija Appogg rċeviet 380 każ ta’ abbuz online filwaqt li sa Ġunju ta’ din is-sena rċeviet 137 każ ta’ abbuz. Minn dawn il-każi kien hemm numru sostanzjali fejn il-kontenut kien illegali.
Kien għalhekk li l-Pulizija kienu infurmati u ttieħdet l-azzjoni neċessarja biex il-vittma ssib l-appoġġ meħtieġ filwaqt li jkunu identifikati l-persuni qarrieqa u jitressqu l-Qorti.
Studju li sar mill-Malta Communications Authority fl-2012, imsejjaħ ‘l-użu tal-ICT mill-minorenni’ wera li disgħin fil-mija tal-adoloxxenti Maltin ta’ bejn it-13 u l-14-il sena, huma l-aktar nies li jaghmlu uzu min-netwerks soċjali.
Dan hu popolari wkoll fost gruppi ta’ età iżgħar. Xejn inqas minn 72 fil-mija ta’ dawk bejn il-11 u t-12-il sena għandhom profil fuq Facebook. Din hi ħaġa li tmur kontra l-kundizzjonijet biex wieħed juża Facebook. L-użu tal-internet permezz ta’ smartphones qed jiżdied, partikularment fost iż-żgħażagħ, li 56 fil-mija għandhom dan is-servizz.
F’konferenza tal-aħbarijiet Michael Farrugia, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, qal li l-Gvern iħoss li hemm iktar bżonn li “nkunu viġilanti dwar l-attività li jagħmlu t-tfal meta jkunu qed jużaw l-internet. Hu għalhekk li l-Aġenzija Appoġġ flimkien mal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni kif ukoll mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal, taħdem dwar dan il-proġett ta’ protezzjoni lit-tfal u lill-adoloxxenti minn dawk il-fatturi li jistgħu jwasslu għal cyber bullying u grooming onlajn.
Hu qal li għal dan l-iskop matul dawn l-aħħar erba’ snin l-MCA ikkoordinat l-inizjattiva BeSmartOnline li rat it-twaqqif taċ-Ċentru għall-Internet aktar Sigur. Flimkien ma’ entitajiet oħra, dan iċ-Ċentru ħadem bi sħiħ biex iqajjem kuxjenza pubblika u jagħti l-appoġġ lit-tfal u lil dawk ta’ madwarhom, bħalma huma l-ġenituri, in-nanniet, l-għalliema u dawk impenjati fis-servizzi soċjali.
Fil-futur qrib il-Gvern se jkun qed jaħdem biex iniedi Charter ġdid dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini dwar l-użu tal-internet. Il-Gvern jemmen li f’dan il-qasam hemm ħafna xogħol x’għandu jsir biex tkompli tinfirex mhux biss l-edukazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ, imma anki l-għalliema u l-ġenituri jkunu mħejjija aħjar għal din ir-realtà.
//= $special ?>