Ambjent Lokali

Il-MEPA tapprova proġett li se jeqred xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija

Il-Bord tal-MEPA approva l-pjanijiet ta’ żvilupp propost fis-sit magħruf bħala “Il-Pjazzetta”, f’Tas-Sliema. Il-proġett se jara r-restawr ta’ faċċata skedata (Grad 2), magħrufa wkoll bħala “il-klinika”. Dan il-bini se jkun inkorporat ma’ taħlita ta’ żviluppi oħrajn, fosthom uffiċini, ħwienet, appartamenti u garaxxijiet.

L-ispazju pubbliku quddiem dan il-bini se jkun żviluppat fi ġnien, għat-tgawdija tal-pubbliku, liema spazju se jinkludi wkoll kjosk.

Stqarrija maħruġa mill-MEPA ikkonfermat li dan l-applikazzjoni għaddiet ukoll minn idejn is-Supretendent għal Wirt Kulturali, li “ma sab l-ebda oġġezzjoni għal dan il-proġett”, minkejja li permezz tiegħu se jinqered xelter tal-gwerra, xelter li jinsab taħt din l-istess “klinika”.

L-istqarrija tkompli billi tgħid li l-iżvilupp jirrispetta l-pjan lokali taż-żona, flimkien mar-regolamenti l-oħra tal-ippjanar. Sar ukoll studju dwar l-impatt fuq it-traffiku fiż-żona, bi Transport Malta tgħaddi numru ta’ kundizzjonijiet biex tirregola dan l-iżvilupp.

Il-MEPA tenniet ukoll li hi konxja li l-iżvilupp se jsir ftit ‘il barra miż-żona ta’ madwar Għar il-Lembi u Għar id-Dud, u għalhekk l-awtoritajiet se jkunu qed jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji, fosthom billi jaċċertaw li x-xogħol ta’ skavar isir b’apparat apposta, u taħt sorveljanza stretta.

Il-Bord approva wkoll il-permess għall-iżvilupp u t-titjib tal-lukanda Bernard Hotel, f’Paceville, li se ssir lukanda ta’ erba’ stilel. Se jkun hemm ukoll żvilupp tal-Bohemia Complex, li se tinbena f’lukanda ta’ tliet stilel, biż-żewġ proprjetajiet jingħaqdu permezz ta’ pont mibni fuq is-saqaf tagħhom.

Iż-żewġ applikazzjonijiet kienu biss possibli wara r-reviżjoni tar-regolamenti għall-għoli tal-lukandi, bl-istqarrija tal-MEPA tgħid li dawn it-tibdil fir-regolamenti saru apposta għal iktar żvilupp f’dawn iż-żoni, b’kuntrarju għal dak li jkun speċifikat fil-pjan lokali, dejjem jekk il-bini finali jkun ta’ kwalita’ għolja.