Lokali

Il-PN sodisfatt li l-Gvern reġa’ fetaħ id-diskussjonijiet mal-NGO’s dwar l-immigrazzjoni

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Gvern reġa’ fetaħ id-diskussjonijiet mal-NGOs li jaħdmu fis-settur tal-immigrazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħasra kbira li dan id-djalogu, li kien beda taħt il-Gvern preċedenti, twarrab mill-Gvern Laburista preżenti.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-Gvern jagħmel tajjeb li jkun onest mal-NGOs u mal-poplu u jippublika in-National Detention Review li issa ilu f’idejh għal kważi sentejn.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’ miftuħ għad-djalogu mal-Gvern u mal-NGOs, u jittama li dan il-pass iwassal biex verament tittieħed azzjoni fejjieda għall-ġid tal-immigranti u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.