Lokali

Il-Prim Ministru hu mdawwar bl-“untouchables” – Marlene Farrugia

Joseph Muscat, illum Prim Ministru ta’ Malta, jinsab imdawwar bl-“untouchables“. Dan iddikjaratu d-Deputat Laburista Marlene Farrugia, waqt li lbieraħ filgħaxija kienet il-mistiedna tal-programm “Iswed fuq l-Abjad” fuq NET Television. Hi saħqet li llum, Muscat hu mdawwar b’nies li ħadd ma jista’ jmisshom, jagħmlu x’jagħmlu.

Id-Deputat Laburista spjegat kif dak li kien jiġri fil-passat qed jiġri issa, bil-Prim Ministru jkun imdawwar b’nies li qed jiddettawlu kif għandu jitmexxa l-pajjiż. Mistoqsija mill-preżentatur Frank Psaila għaliex tikkritika l-Gvern, Marlene Farrugia tgħid li hi thoss li l-poplu għandu jingħata dak li ġie mwiegħed u bil-mod kif ġie mwiegħed.

Dwar il-każ tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, Farrugia qalet li kieku kient minfloku kienet tirreaġixxi b’mod differenti billi tirriżenja u jekk mill-inkjesta jinstab li hi innoċenti, kienet terġa’ tiġi appuntata mill-Prim Ministru, kif kien jiġri fil-konfront ta’ Manwel Mallia. Marlene Farrugia qalet li bl-aġir tiegħu, Mallia għamel ħafna ħsara lilu nnifsu, lill-Partit Laburista u anke lill-Gvern.

Dwar jekk taħsibx li f’dan il-każ kienx hemm min ma refax responsabbiltà, Marlene Farrugia wieġbet li kien hemm min, iżda waqfet mingħajr ma semmiet min u għaliex. Spjegat li hi sejħet għal Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista għax hemm nies li mhux jaqblu mal-mod kif miexi l-Moviment Laburista.

Id-Deputat Laburista tenniet li l-Moviment Laburista jrid jerġa’ jsib l-għeruq tiegħu, jiġifieri li jkun il-moviment li jġib l-għaqda fil-pajjiż, li jkun il-moviment li tista’ ma taqbilx miegħu iżda tista’ taħdem miegħu u mhux min jikkritikah jiġi attakkat, bħalma jsir lilha. Qalet li tħoss li l-attakki li jsiru fil-konfront tagħha għax tikkritika l-Gvern huma attakki ta’ weġgħat ta’ nies, fosthom tagħha, li ma jkunux jistgħu jemmnu li l-affarijiet inbiddlu minn dawk imwegħda.

Mistoqsija jekk għandux isir reshuffle fil-Kabinett ta’ Muscat, Marlene Farrugia wieġbet li jekk isir reshuffle irid isir b’mod għaqli ħafna. Dan filwaqt li saħqet li kieku l-Prim Ministru jsejħilha biex jagħmilha Ministru hi tirrifjuta għax temmen li f’dan il-mument tista’ tagħmel aktar ġid bħala backbencher.