Edukazzjoni Lokali

Imniedi r-raba’ edizzjoni tal-ġurnal legali ‘ELSA Malta Law Review’

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istudenti tal-Liġi (ELSA Malta) fl-aħħar jiem nediet ir-raba’ edizzjoni tal-‘ELSA Malta Law Review’, f’attivita’ li saret f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta. Il-Viċi-President ta’ ELSA Malta għall-Attivitajiet Akkademiċi James Debono laqa’ lil dawk preżenti billi spjega l-valuri tal-assoċjazzjoni, l-irwol tagħha fin-netwerk internazzjonali tal-ELSA (magħmula minn 39,000 student), kif ukoll il-mod ta’ kif ELSA Malta taħdem fil-qrib mal-Fakulta’ tal-Liġi fuq livell lokali.

‘ELSA Malta Law Review’, li hu rikonoxxut mill-Kamra tal-Avukati ta’ Malta, hu ġurnal annwali li ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-2010. Din hija r-raba’ edizzjoni tal-ġurnal, li hu mfassal mill-istudenti tal-liġi stess. L-għan ewlieni tal-ġurnal hu li jipprovdi lill-istudenti tal-liġi u avukati żgħażagħ l-opportunita’ li jippubblikaw ir-riċerki li jagħmlu, bil-għan li jtejjbu l-kitba akkademika u legali tagħhom. Għan ieħor tal-ġurnal hu li jipprovdi aċċessibilita’ akbar għal tagħrif legali f’numru ta’ oqsma differenti, fosthom dwar il-Propjeta’ Intelletwali (Intellectual Property).

Filfatt, għat-tnedija tal-‘ELSA Malta Law Review’ ġie organizzat dibattitu dwar l-isfidi fil-qasam tal-Propjeta’ Intelletwali fid-dinja diġitali. Id-dibattitu tmexxa minn Philip Mifsud bil-membri tal-panel ikunu jinkludu lil Dr. Richard Camilleri, Dr. Jeanine Rizzo, Dr. Paul Micallef Grimaud u Dr. Sharon Xuereb.

Fost l-affarijiet diskussa kien il-mod kif għandu jkun hemm bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid tal-propjeta’ intelletwali u d-dritt għall-liberta’ tal-informazzjoni għal min ikun qed juża’ l-informazzjoni partikolari. Punt ieħor li ġie diskuss kien dak dwar il-problema ta’ infurzar f’dan il-qasam, bil-punt kruċjali jkun li ma jfisser xejn li jkun hemm qafas legali f’postu għall-protezzjoni tal-propjeta’ intelletwali jekk ma jkunx hemm l-infurzar neċessarju.

Dettalji dwar ir-raba’ edizzjoni tal-‘ELSA Malta Law Review’ jinkisbu minn fuq is-sit www.elsa.org.mt jew inkella minn fuq il-paġna uffiċjali ta’ ELSA Malta fuq Facebook: www.facebook.com/maltaelsa. Wieħed jista’ jibgħat messaġġ personali għal tagħrif ta’ kif jista’ jakkwista kopja tal-‘ELSA Malta Law Review’.