Qorti

Jitqiegħed taħt att ta’ akkuża s-Somalu mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ Sudaniżi

Somalu ta’ 49 sena, li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil taż żewġ Sudaniżi fil-Ħamrun, nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Diċembru, tqiegħed taħt att ta’ akkuża, wara li Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli iddikjarat li minn dak li semgħet hemm biżżejjed provi biex il-każ jibqa’ miexi. Dan ħareġ wara li bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfronmt ta’ Abdirahman Ahmed fejn fiha xehed ukoll wieħed miż-żewġ Sudaniżi li ndarab ħafif. Dan minn naħa tiegħu ta xhieda kuntrastanti dwar kif seħħ il-feriment tiegħu.

L-Ispettur Robert Vella mill-Għassa tal-Ħamrun xehed kif nhar il-Ġimgħa li għadda fl-10.00 p.m. żewġ persuni, Ali Eyca Ali u Anwar Ahmed Iskandar, daħlu fl-għassa u fuq ħwejjiġhom kellhom id-demm.Tal-ewwel kellu ferita fuq in-naħa tax-xellug taż-żaqq u Iskandal kellu ferita f’diru u f’żaqqu.

Iż-żewġ vittmi stqarrew li kien Ahmed li aggredihom u ferihom b’sikkina meta kienu fir-residenza tagħhom fi Triq id-Duluri fil-Ħamrun. Skont il-vittmi Ahmed ma kienx qed jaqbel li Iskandar imur f’Ħal Balzan fir-residenza fejn kien qed igħix u kien hemm li qabad sikkina u aggredihom.

L-Ipsettur Vella qal li l-Pulizija ċemplu għall-ambulanza fejn il-vittmi ttieħdu l-isptar għall-kura u huma bdew bl-investigazzjonijiet assistiti mill-Pulizija tal-Forensika. Huwa qal li mir-rapporti mediċi rriżulta li Ali sofra ġrieħi ħfief iżda Iskandar kien jinsab fil-periklu tal-mewt għalkemm illum jinsab f’qagħda stabbli iżda għadu rikoverat fl-isptar.

L-Ispettur Vella qal li kien l-istess Ahmed li fetaħ lill-pulizija li marru fir-residenza fi Triq id-Duluri u hemmhekk il-pulizija ma sabux l-arma iżda nnotaw liżar imċappas bid-demm fuq is-sufan fl-entratura.

Għalhekk Ahmed ittieħed fl-għassa fejn kellu riħa qawwija ta’ xorb u għalhekk l-ewwel lej qattgħu fil-lock-up tal-pulizija. Meta nterrogah l-għada Ahmed qal li kien hemm persuna oħra miż-Chad fir-residenza u f’ħin minnhom tnejn minn sħabu marru jixtru l-lotto u rritornaw bi flixkun whisky. L-Ispettur qal li Ahmed qal li f’ħin minnhom mar jorqod u ma kienx jaf bl-inċident.
L-Ispettur Vella qal li Ahmed kellu stqarrijiet kuntrastanti dwar l-imġieba tiegħu meta jkun xurban fejn l-ewwel qal li jsibha diffiċli jorqod, u wara qal li meta jkun fis-sakra jorqod fil-fond.

Filwaqt li l-vittmi baqgħu jikkonfermaw li kien Ahmed li tahom bis-sikkina, mentri Ahmed ma ried ibiddel xejn mill-istqarrija tiegħu.

L-Ispettur Vella cal li meta l-għada l-Pulizija marru fir-residenza jfittxu għas-sikkina, għalkemm kollha dehru maħsulin, innotaw waħda li fuq il-manku tagħha kellha xi tiċpis aħmar u issa din tinsab għand l-esperti għal iktar testijiet dwar it-tiċpis. Xehed ukoll PC1066 stazzjonat fl-għassa tal-Ħamrun fejn waqt li kkonferma li qal l-Ispettur żied li meta Ahmed iddaħħal fiċ-ċella daħal jorqod u kellu fuqu riħa ta’ xorb.

Xehed ukoll Ali Eyca Ali qal li xil-5.30 p.m. huwa u Iskandar marru jixtru l-lotto u ħadu magħhom ukoll flixkun whisky. Kwarta wara waslu d-dar u wara li xorbu l-whisky, fit-8.30 p.m. kielu. Ahmed ma riedx jiekol u mar jorqod. Xid-8.45 p.m. Iskandar ried jitlaq lejn Ħal Balzan u hu qallu aħjar jibqa’ hemm għax għada festa. Iżda Iskandar ried jitlaq u sakemm libes iż-żarbun huwa mar fis-sodda.

Ħin minnhom Ali qal li Ahmed mar fil-kċina u ħa sikkina u f’ħin minnhom iskandar beda jgħajjat. Huwa qal li qam mis-sodda u pprova jieħu s-sikkina mingħand Ahmed u weġġa’ fuq in-naħa tax-xellug. Ali qal li Ahmed qallu jmur iċempel ambulanza għal Iskandar, u waqt li s-sikkina baqgħet għand Ahmed, hu u Iskandar ħarġu u marru l-għassa.

Mistoqsi mill-avukat difensur, Joseph Ellis, Ali qal li ma jafx fuq x’hiex seta’ beda jew kien l-argument u lanqas ra lil Ahmed jagġti daqqa ta’ sikkina lil Iskandar. Ali, li ħare; mill-isptar l-għada tal-inċident, qal li f’dak il-mument ma nnotax lanqas kif setgħet kienet is-sikkina.

Mistoqsi mill-ġdid dwar il-feriment tiegħu minn Ahmed, din id-darba Ali qal li Ahmed żelaq u laqtu bis-sikkina. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Robert Vella u Edel Mary Camilleri. Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-28 ta’ Jannar li ġej.