Kartiera tal-ġilda u passaport reġgħu ġew f’idejn raġel Ingliż – kważi 20 sena wara li ġew rappurtati mitlufa meta r-raġel kien qed jivjaġġa abbord ferrovija fl-Iżvizzera.
Jidher li ħadd ma seraq xejn tul dawn it-18-il sena li l-kartiera ta’ Colin Mendoza kienet mitlufa u fiha għad hemm il-passaport, il-credit cards skaduti, il-liċenzja tas-sewqan, riċevuti u karta’ tal-identita’ ta’ impjieg li kien jagħmel l-Ingliż.
Iżda fejn kienet matul dan iż-żmien kollu, u kif ġiet skoperta, tibqa’ misteru li tista’ ma tissolva qatt.
Colin għadu mhux ċert kif hu tilef il-kartiera waqt li vjaġġa abbord ferrovija mill-Ajruport ta’ Zurich sa Ġinevra fl-1996. Hu raqad fuq il-ferrovija u ma rrealizzax li l-kartiera ntilfitlu sakemm tela’ f’karozza f’Ġinevra. Colin Mendoza rrapporta n-nuqqas tal-kartiera tiegħu lill-pulizija imbagħad għadda minn battikata kbira sabiex kiseb passaport ġdid filwaqt li kkanċella u ordna credit cards ġodda.
Is-snin għaddew u Colin, li llum jgħix fl-istat Amerikan ta’ Connecticut, nesa dwar dan l-inċident sakemm irċieva email b’sorpriża mingħand pulizija fil-belt ta’ Chur. Jirriżulta li xi ħadd sab il-kartiera fl-art f’kumpless ta’ ħwienet f’Chur – aktar minn erba’ sigħat ‘il bogħod permezz ta’ ferrovija minn Ġinevra u aktar minn 90 minuta ‘l bogħod minn Zurich – u għaddiha lill-pulizija lokali.
//= $special ?>